Illum, għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Mikiel Anton Vassalli, San Ġiljan minħabba li kien seħħ inċident stradali.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li għal xi raġuni, kienet seħħet ħabta bejn tliet muturi, kollha tat-tip Harley-Davidson.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lit-tliet sewwieqa u passiġġiera l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Tnejn mis-sewwieqa – raġel ta’ 36 sena residenti ż-Żurrieq u ieħor Taljan ta’ 57 sena, ġew iċċertifikati li qegħdin isofru minn ġrieħi gravi filwaqt li sewwieq ieħor ta’ 36 sena, residenti Pembroke u l-passiġġiera tiegħu – mara ta’ 21 sena, residenti Marsaskala weġġgħu ħafif.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

