Pajjiżna jinsab fi kriżi politika u kostituzzjoniali li bħala qatt ma rajna. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt Attività Politika fis-Siġġiewi.
Din is-sitwazzjoni kritika, qal Simon Busuttil, ġabha b’idejh Joseph Muscat stess. Huwa qal li l-Prim Ministru – l-aktar kariga mportanti u ta’ resposabbiltà f’pajjiżna – jinsab taħt inkjesta maġisterjali. Din hija sitwazzjoni bla preċendent, qal Simon Busuttil, u għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed isejjaħ għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru sabiex ma tkomplix issir aktar ħsara lil pajjiżna.
Dan mhux qed jgħidu biss l-Partit Nazzjonalista, qal Simon Busuttil, imma qed jirrikonoxxieh kulħadd; mhux inqas il-ġurnali indipependenti li editorjal wara l-ieħor qegħdin jgħidu ċar u tond li l-pajjiż jinsab fi kriżi politika u li l-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat m’għadiex tenibbli. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fl-aħħar mill-aħħar iżda, l-ġudizzju jinsab biss f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi.
Simon Busuttil qal li jekk kien hemm filmat li seraq ix-xena din il-ġimgħa kien dak tal-attività ġewwa Pilatus Bank il-Ħamis filgħaxija, grazzi għall-ħidma eċċezzjonali tal-ħaddiema ta’ NET Television. Huwa qal li dawn kienu xeni donnhom ħerġin minn xi film tal-Mafia iżda dawn kienu xeni ta’ veru li ħadd, lanqas Joseph Muscat, ma jista’ jmerihom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif fil-filmati rajna żewġ persuni, inkluż sid Pilatus Bank, li marru fis-satra tal-lejl joħorġu dokumenti mill-bank fiċ-ċentru tal-kwistjoni. Dan kollu sar eżatt wara li ħarġet aħbar li qajmet terremot politiku sħiħ, qal Simon Busuttil. Huwa qal li b’ċertu koinċidenza, l-bank huwa msemmi bħall-Pilatu, u f’dan il-każ Pilatu mhux idejh biss ħasel iżda anke l-provi.
Simon Busuttil qal li bniedem wieħed biss huwa responsabbli għal dan id-diżastru nazzjonali: Joseph Muscat. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bir-rebħa elettorali kbira li kellu, Muscat kellu kull opportunità biex iwettaq il-wegħdi fierħa li kien għamel. Iżda huwa tilef din l-okkażżoni u minflok daħħal lil pajjiżna f’din il-kriżi politika, qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjoanlista qal li f’dan il-mument delikat irid isejjaħ lil kull min huwa ta’ rieda tajba biex jaqsam flimkien ir-responabbiltà kbira sabiex nerġgħu nagħtu lilna nfusna il-pajjiż li jixirqilna. Huwa qal li jrid jagħmel dan l-appell lil kulħadd, sabiex niġu flimkien bħala ċittadini li lesti jinsew il-kulur poltiku tagħhom u jingħaqdu flimkien wara l-bandiera ta’ pajjiżna. Simon Busuttil qal li permezz tad-Dimostrazzjoni Nazzjonali fil-Belt illum wara nofsinhar, huwa qiegħed jistieden lil kulħadd biex jinġabar bħala poplu wieħed li lest iqum u jieħu mill-ġdid ir-riedni f’idejh. Din se tkun it-tweġiba lill-Prim Ministru f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>