Il-ħsara li qed issir lil pajjiżna hija inkalkolabbli
Is-sentiment tan-nies huwa ta’ rabja, ta’ tradiment u ta’ inkwiet għall-futur tagħhom u ta’ pajjiżna
Mix-xewk ta’ din l-emerġenza nazzjonali llum qed tfeġġ warda sabiħa tal-forza tal-poplu, il-forza tar-raġuni, forza nazzjonali li qed tqum illum biex terġa’ tagħti pajjiżna lura lill-poplu.
Illum twieldet Forza Nazzjonali, forza tal-poplu, forza Maltija u jiena għandi fiduċja kbira li din il-forza se tagħti lura lill-poplu, ‘Pajjiż li Jixraqlu’.
Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt diskors importanti wara d-dimostrazzjoni nazzjonali mill-forza nazzjonali fil-Belt Valletta li għaliha attendiet folla numeruża.
Eluf ta’ nies imxew minn Pjazza Kastilja tul Triq ir-Repubblika wara banner bil-kliem ‘Għal Pajjiż li Jixraqlek’ u fuq quddiem kien hemm Simon Busuttil, Marlene Farrugia, Michael Briguglio, il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco u Beppe Fenech Adami kif ukoll Deputati u kandidati tal-Partit.
Simon Busuttil qal li llum pajjiżna għandu bżonna. Pajjiżna bħalissa jinsab taħt il-lenti tal-Ewropa u tad-dinja – mhux għax għandna l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, imma għax għandna Prim Ministru li jinsab taħt investigazzjoni. Fakkar li fl-ebda pajjiż normali ma jkollok Prim Ministru li jibqa’ fil-kariga tiegħu meta jkun taħt investigazzjoni.
Hu qal li llum pajjiżna jinsab fi stat ta’ kriżi politika u kostituzzjonali, fi stat ta’ emerġenza nazzjonali – din hija l-akbar kriżi li qatt iffaċċja pajjiżna għax qatt ma kellna sitwazzjoni fejn l-integrità tal-Prim Ministru daħlet f’dubju bħal-lum.
Simon Busuttil qal li l-ħsara li qed issir lil pajjiżna hija inkalkolabbli. Mhux biss lis-settur tas-servizzi finanzjarji, imma setturi oħrajn ukoll u fuq kollox, ħsara lil isem pajjiżna. Qal li quddiem dan kollu s-sentiment tan-nies huwa ta’ rabja, ta’ tradiment u ta’ nkwiet għall-futur tagħhom u ta’ pajjiżna.
“Il-Prim Ministru jrid il-provi minn għandna. U aħna ngħidulhu li l-provi jinsabu fl-aġir tiegħek. Mhux fl-aħħar jiem, mhux fl-aħħar sena, imma minn mindu ħadt il-ġurament tal-ħatra tiegħek,” sostna Simon Busuttil.
Hu elenka numru ta’ fatti fosthom li ftit jiem wara li ħadu l-ġurament tal-ħatra, infetħu tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama. It-tliet kumpaniji nfetħu mill-istess bniedem, Brian Tonna, li hu konsulent tal-Prim Ministru.
Ftit jiem u ġimgħat wara li ħadu l-ġurament tal-ħatra, neħħew lill-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo li hu magħruf biss għas-serjetà fit-tmexxija tal-Korp. Fakkar ukoll li f’Diċembru 2014, Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri marru fl-Ażerbajġan u pajjiżna tilef €14-il miljun. Fi Frar tas-sena li għaddiet inkixef Konrad Mizzi u ftit jiem wara inkixef Keith Schembri.
Imma l-Prim Ministru ma keċċihomx, żammhom miegħu, sar forċina tagħhom u dak li hu ħażin għalih illum, ma kienx ħażin għalih sena ilu.
Il-Kap tal-PN fakkar li sirna nafu li t-tielet kumpanija hija ta’ xi ħadd tant importanti li ismu ma setax jingħata bil-miktub.
Simon Busuttil fakkar li l-Gvern biegħ l-Enemalta għal €320 miljun u l-bniedem li nnegozjaw miegħu min-naħa Ċiniża ukoll inqabad b’kumpanija sigrieta miftuħa mill-konsulent tal-Prim Ministru, din id-darba, fil-British Virgin Islands. Fakkar ukoll li bena power station li m’għandniex bżonn li se jmur jiftaħ propju llum, monument tal-koruzzjoni u li rabatna nixtru l-elettriku minn għandha għal 18-il sena sħaħ bi prezz id-doppju li nixtru mill-interconnector.
Hu qal li wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ħarġet l-allegazzjoni li t-tielet kumpanija hija tal-mara tal-Prim Ministru, il-Prim Ministru irrifjuta li jiftaħ inkjesta.
Wara li ħarġet l-allegazzjoni, is-sid tal-Bank Pilatus inqabad ħiereġ mill-Bank b’bagalja fis-satra tal-lejl u wara li ħarġet l-allegazzjoni, il-Kummissarju tal-Pulizija flok mar fuq il-post tad-delitt, mar fenkata, imexmex il-fenek. Wara dan kollu, frisk frisk, il-Prim Ministru sejjaħ inkjesta.
Simon Busuttil qal li dawn huma l-fatti ta’ kif Malta qIegħda tinbiegħ għal 30 biċċa fidda. U quddiem dan it-tradiment il-poplu Malti qed jistaqsi, “Min tradieni? Min hu l-Ġuda?”
Quddiem dan kollu il-Prim Ministru lbieraħ filgħodu ħalef quddiem Alla li qed jgħid il-verità. “Imma jiena ngħidlu, Prim Ministru inti diġà użajt lin-nies għall-vot biex takkwista l-poter; diġà użajt lill-familja tiegħek biex tirbaħ is-simpatija; issa trid tuża lil Alla biex mingħalik issalva ġildek? Int diġà ħlift quddiem Alla l-leatà tiegħek lejn il-poplu Malti meta ħadt il-ġurament tal-ħatra, imma dik il-ħalfa quddiem Alla ksirtha għax tradejt lill-poplu Malti. Kif nistgħu nemmnuk illum meta terġa’ taħlef quddiem Alla?’” staqsa Simon Busuttil fost iċ-ċapċip tal-folla.
“Huwa għalhekk li aħna qegħdin hawn biex lill-Prim Ministru ngħiduhu f’ġieħ is-sewwa, f’ġieħ l-interess nazzjonali, itlaq issa. Ma tistax tibqa’ fil-kariga tiegħek bi sħaba ta’ korruzzjoni mdendla fuq rasek. Ma tistax tħalli l-pajjiż jegħreq sakemm int tnaddaf ismek. Kull ġurnata li ddum fil-kariga, tkun ġurnata oħra ta’ ħsara għal pajjiżna. Tniżżilx lil pajjiżna miegħek”, saħaq Simon Busuttil.
“U la ma telaqx, jien issa ndur fuq dawk li jistgħu iwassluh biex jitlaq. Indur fuq il-President ta’ Malta; indur fuq id-Deputati Laburisti hekk kif magħna għandna eks-Deputat Laburista, Marlene Farrugia; għamlu bħalha; neħħuh inthom; inthom tistgħu tagħmlu xi ħaġa li aħna li qegħdin hawn m’għandnix is-setgħa li nagħmluha,” appella Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jdur ukoll fuq l-imsieħba soċjali, it-trade unions (u sellem lill-UĦM li kienet preżenti għad-dimostrazzjoni nazzjoali fil-Belt), fuq il-korpi kostitwiti, fuq l-għaqdiet kollha tas-soċjetà ċivili u appellalhom jitkellmu huma wkoll għax issa hu l-mument li huma jitkellmu għal pajjiżna qabel ikun tard wisq.
Appella wkoll lill-media indipendenti biex jagħmlu huma wkoll ix-xogħol li suppost għamlu l-Pulizija. Appella lil kull min għandu aktar informazzjoni li tista’ twassal biex issir ġustizzja u wiegħed kull protezzjoni filwaqt li sfida lil Joseph Muscat biex minn issa joffri kull protezzjoni – u anki immunità – lil kull min lest joħroġ b’informazzjoni.
Simon Busuttil appella wkoll lill-awtoritajiet; lill-Pulizija, lill-Avukat Ġenerali, lis-Servizzi Sigrieti, lill-MFSA u lill-FIAU biex iwettqu dmirhom u jħarsu lejn l-interess nazzjonali u mhux lejn l-interess tal-Prim Ministru.
Dar ukoll fuq dawk kollha li għandhom fehma politika differenti minn tal-Partit Nazzjonalista u sellem u rringrazzja wkoll il-preżenza ta’ Michael Briguglio, eks-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, u appellalhom jingħaqdu flimkien quddiem din l-emerġenza nazzjonali.
“Mhux qed nitlobkom issiru Nazzjonalisti, qed nitlobkom li tqumu u timxu wara l-bandiera tagħna, wara l-bandiera bajda u ħamra, wara l-bandiera ta’ Malta, għax aħna lkoll aħwa Maltin”, qal Simon Busuttil fost iċ-ċapċip tal-pubbliku.
Simon Busuttil appella wkoll lill-folla preżenti biex flimkien twieġeb għas-sejħa ta’ pajjiżna u qal li mix-xewk ta’ din l-emerġenza nazzjonali llum qed tfeġġ warda sabiħa tal-forza tal-poplu, il-forza tar-raġuni, forza nazzjonali li qed tqum illum biex terġa’ tagħti pajjiżna lura lill-poplu.
Simon Busuttil qal, “fl-aħħar u mhux l-anqas indur fuq iż-żgħażagħ u ngħidilkom: intom twelidtu f’pajjiż indipendenti, f’pajjiż ħieles, f’pajjiż demokratiku, f’pajjiż Ewropew … imma llum intom ukoll għandkom responsabblità biex taraw li dak li kisbu l-ġenituri tagħkom ma jintilifx, anzi jissaħħaħ u jsir isbaħ.”
“Min naħa tiegħi jien inwiegħed li, jekk il-poplu Malti jagħtini l-fiduċja tiegħu biex immexxi l-pajjiż, nagħti gvern li jnaddaf is-sistema politika f’pajjiżna darba għal dejjem; nordna investigazzjoni indipendenti f’dan il-każ u f’kull każ ta’ korruzzjoni ieħor; inwettaq ġustizzja ma’ kull min sofra inġustizzja u ħaqq ma’ kull min kiser il-liġi,” temm Simon Busuttil fost iċ-ċapċip tal-folla preżenti.
//= $special ?>