Id-Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo, ħabbar li l-Alternattiva Demokratika se tippreżenta talba formali lill-Awditur Ġenerali biex jiftaħ investigazzjoni fuq l-MFSA, l-Awtorita` tas-Servizzi Finanzjarji.
Fi stqarrija Carmel Cacopardo qal li dak li hu ċar kristall minn din il-krizi li ħakmet lill-pajjiz hija l-falliment ta’ istituzzjonijiet li huma fdati biex jissalvagwardjaw it-trasparenza, il-governanza u l-etika f’kull qasam tal-ħajja pubblika.
Wara li l-Korp tal-Pulizija spiċċa bla snien bil-bidla ta’ xejn inqas minn erba’ Kummissarji fi tliet snin, kif ukoll l-ittardjar biex jinvestiga l-allegazzjonijiet serji li ħargu f’dawn il-jiem, issa hemm dell ieħor fuq ir-regolatur tas-servizzi finanzjarji, l-MFSA.
L-Alternattiva Demokratika għalhekk qed titlob lill-Awditur Ġenerali jeżamina l-liċenzja moghtija lil Pilatus Bank mill-MFSA, u b’mod partikolari jekk il-kriterji li fuqhom ħarget liċenzja lil Pilatus Bank kinux skont il-prassi li tuża l-istess Awtorita` meta tikkunsidra talbiet simili. Marbut ma dan, titlob lill-Awditur Ġenerali jixħet dawl fuq kif l-MFSA ħarġet liċenzja lil Pilatus Bank meta ċ-Chairperson tiegħu lanqas biss hu bankier.
L-AD qed titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga jekk ittieħdux passi mill-MFSA meta sar magħruf li fost il-lista ta’ ftit klijenti li għandu dan il-bank, hemm politically exposed persons mill-iktar pajjiż korrott fid-dinja, l-Ażerbajġan, b’riskju sostanzjali li l-kontijiet bankarji qed ikunu ffinanzjati minn ħasil ta’ flus u bi ħsara kbira għas-settur kollu finanzjarju fil-pajjiż. Qed titlob lill-Awditur Ġenerali jeżamina l-allegazzjoni jekk waqt spezzjoni tal-bank fl-2015 kinux instabu kontijiet ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembru u jekk dan kien il-każ, għalfejn isimhom tħalla barra mir-rapport finali.
Carmel Cacopardo temm li Alternattiva Demokratika kellha tieħu dan il-pass wara li r-regolatur tas-Servizzi Finanzjarji baqa’ b’ħalqu magħluq fil-konfront tal-allegazzjonijiet gravi li għaddejjin bħalissa.
//= $special ?>