#muscatgate Lokali

FILMAT: “Lil uliedna, u lil ulied uliedna rridu nħallulhom pajjiż aħjar milli sibna” – Marlene Farrugia

Marlene Farrugia indirizzat il-folla preżenti fi Pjazza San Ġorġ għad-Dimostrazzjoni Nazzjonali

Qabel id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, waqt id-Dimostrazzjoni Nazzjonali fil-Belt Valletta, indirizzat lill-folla numeruża preżenti l-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia.

Marlene Farrugia qalet li dak li ħallewlna missirjietna għalina u għall-familji tagħna huwa prova ta’ kemm fi żminijiethom kellhom il-kuraġġ. Hi qalet li l-Maltin bnew dak kollu li hawn madwarna wara li ġie l-għadu minn barra jattakka u huma rnexxielhom jaqalawh il-barra. Marlene Farrugia qalet li l-Maltin ingħaqdu flimkien u rebħu – u wara bnew pajjiż li għadna ngawduh sal-llum.

L-eks deputata Laburista qalet: “Lil uliedna u lil ulied uliedna rridu nħalluhom pajjiż aħjar milli sibna – u għalhekk illi aħna qegħdin hawn illum”. Marlene Farrugia qalet li erba’ snin ilu, il-poplu Malti vvota għall-viżjoni li tgħaqqad lil pajjiż, u li tassigura li Malta jkollha governanza nadifa, trasparenti, meritokratika u li tixraq lil pajjiżna. Minkejja li l-poplu ta l-fiduċja tiegħu lil Joseph Muscat wara ftit biss żmien il-poplu beda jinduna li dik il-viżjoni kienet biss viżjoni ta’ fuq il-karta, għaliex lill-poplu beda jagħmillu pressjoni.

Marlene Farrugia qalet li: “Il-poplu nduna li dak li sippost kien qiegħed jassigura li dik il-viżjoni ssir bis-serjeta’, kien qed jaħdem minn taħt għalih biss”. Id-deputat kompliet tistqarr li min fetaħ il-kumpaniji fil-Panama ftit jiem wara li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, l-intenzjoni tiegħu ma kinitx li jinqabad, iżda fortunatament inqabad.

Il-Kap tal-Partit Demokratiku, fid-diskors tagħha fi pjazza San Ġorġ, qalet li meta faqqat din is-saga kollha l-Prim Ministru kellu ċ-ċans li jeżonera lilu nnifsu billi jqaċċat lil min kien involut u min ġie żvelat sena ilu meta faqqa l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers. Marlene Farrugia qalet li kieku l-Prim Ministru Joseph Muscat huwa innoċenti, kieku kien jassigura li l-Pulizija tinvestiga l-każ, sabiex toħroġ il-verita’ – jekk skont dak li qed jgħid hu familtu tibqa’ barra minn dan l-iskandlu. Iżda Joseph Muscat m’għamilx hekk.

“Il-Pulizija marru biss fuq il-post meta l-evidenza tħalliet taħrab il’ bogħod minn pajjiżna. Dan huwa l-mod kif pajjiżna qiegħed jinbiegħ biċċa biċċa, f’kuntratti sigrieti lill-barrani – u meta nitolbu għall-informazzjoni dwar dawn l-istess kuntratti, il-poplu ma jkunx jaf għax din l-informazzjoni ma tingħatax.

Marlene Farrugia qalet li kieku verament ried il-ġid, tal-inqas seta jwarrab u jħalli lill-Gvern Laburista jmexxi waħdu – imma Joseph Muscat lanqas din ma għamel. Hi nsistiet: “Aħna ltqajna hawn illum għax aħna rridu Gvern bil-għaqal u responsabbli – Gvern li l-ġid tal-pajjiż iqassmu b’mod ġust”.

Id-deputat qalet li ftit qabel id-diskors kellmitha persuna, bħal diversi persuni oħra li jiltaqgħu magħha u jkollhom l-istess stejjer. Qalet li kellimta persuna li għandha żewġt itfal bl-awtiżmu u li din il-persuna waqfet tieħu l-benefiċċji. Marlene Farrugia qalet li jilħqu jgħaddu x-xhur qabel din tieħu s-sussidji li huma bi dritt tagħha. Fuq l-istess tema’ qalet ukoll li hawn sitwazzjoni fejn minflok il-ħaddiem jingħata aktar dinjita’ u rispett, f’Malta qed jiġri l-kontra minħabba l-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat. Marlene Farrugia qalet li l-poplu jrid li l-ġustizzja soċjali tirrenja, u fejn l-ambjent ta’ madwarna jiġi mħares.

Marlene Farrugia qalet li rridu niffurmaw ġenerazzjoni li meta jinqala l-għawġ, irid ikun hawn aħna li nipproteġu l-interessi ta’ pajjiżna. Marlene Farrugia rringrazzjat lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia talli żvelat il-qerq f’dan il-Gvern. Marlene Farrugia qalet li Daphne Caruana Galizia hi persuna b’saħħitha minkejja dak kollu li qegħda tgħaddi minnu bħalissa. Qalet ukoll li jista’ jkun ma taqbilx magħha f’kollox din il-persuna, iżda tista’ taħdem magħha.

Marlene Farrugia temmet id-diskors tagħha billi stidnet lill-Maltin biex jivvutaw u ningħaqdu bħala poplu, biex ikollna Gvern wieħed u verissimu tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.