Futbol Sport

Myles Beerman jilgħab fit-telfa ta’ Rangers kontra Celtic

Myles Beerman (xellug) fl-azzjoni kontra Celtic

Iż-żagħżugħ Malti Myles Beerman lagħab ir-raba’ logħba konsekuttiva għal Rangers, f’dik li hi l-akbar logħba għalih sa issa, b’Celtic jikkwalifikaw għal finali tat-Tazza Skoċċiża wara li għelbu lil Rangers 2-0 f’Hampden Park. Beerman reġa’ lagħab bħala difensur fuq in-naħa xellugija, fejn lagħab il-partita kollha u rċieva l-karta s-safra.

Il-gowl fil-11-il minuta ta’ Callum McGregor witta t-triq għar-rebħa, qabel mal-penalty ta’ Scott Sinclair fil-51 minuta għamel l-affarijiet aktar diffiċli għal Rangers.

Din ir-rebħa fis-semifinali tat-Tazza Skoċċiża, kienet l-ewwel waħda ta’ Celtic fuq Rangers mill-1925, biex biha resqu qrib l-ewwel treble domestiku mill-2001, hekk kif sa issa diġà rebħu l-kampjonat u l-League Cup.