F’wieħed mill-aktar editorjali b’saħħithom li qatt kitbet gazzetta indipendenti f’pajjiżna, The Sunday Times of Malta sejjħet għar-riżenja tal-Prim Ministru u li għandu jinħatar Aġent Prim Ministru sakemm isiru l-investigazzjonijiet kollha li għandhom isiru b’rabta mal-allegazzjoni li l-kumpanija Egrant fil-Panama hi tal-mara tal-Prim Ministru u li ġew trasferiti aktar minn miljun dollaru f’dan il-kont mit-tifla tal-President tal-Ażerbajġan.
L-editorjal jibda billi jgħid li żewġ immaġini mill-lejl ta’ nhar il-Ħamis li għadda se jibqgħu fl-imħuħ tal-poplu Malti u Għawdxi: il-viżwal taċ-Chairman tal-Pilatus Bank ħiereġ b’żewġ bagalji mill-bank, kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija waqt fenkata fl-istess ħin li ġew żvelati dawn id-dettalji.
“L-allegazzjonijiet huma allarmanti” jgħid l-editorjal, kif ukoll jistgħu jagħmlu ħsara enormi lis-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta kif ukoll għall-fatt li Malta għandha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, f’dak li jista’ jkun l-akbar skandlu politiku fix-xena politika.
L-editorjal jispjega għalfejn in-nies għandhom raġun ikunu rrabjati: il-Prim Ministru qatt ma ħa azzjoni dwar dan l-iskandlu, u Daphne Caruana Galizia għandha track record li żvelat fatti dwar dan l-iskandlu. Il-gazzetta tirreferi wkoll għall-fatt li hemm rapport tal-FIAU li nvestiga dan l-iskandlu u li baqa’ moħbi.
Lejn l-aħħar tiegħu, l-editorjal ikun ċar: jekk il-Prim Ministru jibqa’ fil-kariga, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jaħdmu b’serenità għaliex hu involut – direttament jew indirettament – fil-ħatriet tagħhom. “Il-Pulizija qed jinvestigaw lil min imexxihom. Din mhi xejn għajr kriżi kostituzzjonali, u għalhekk, il-Prim Ministru m’għandu ebda għażla oħra ħlief li jirriżenja u minfloku jinħatar Aġent President sakemm l-istituzzjonijiet kollha jtemmu l-investigazzjonijiet tagħhom.
//= $special ?>