#muscatgate Lokali

Taħt pressjoni: Muscat jagħmel diskors sħiħ jgħid li hu “seren”

Muscat jgħid li se jibqa' jwieġeb mingħajr ma jaqa' f'livell baxx

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għamel diskors sħiħ jgħid li hu “seren” meta kien qed jagħlaq il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista fi tmiem ġimgħa li matulha sploda l-iskandlu tal-Panama.

Id-diskors ta’ Joseph Muscat sar fid-dell ta’ dak żvelat il-Ħamis filgħaxija mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jiġifieri li l-kumpanija sigrieta ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru.

Qabel id-diskors ta’ Joseph Muscat, saru numru ta’ diskorsi oħra minn diversi kelliema u kandidati Laburisti li għamlu sensiela ta’ eloġji fil-konfront ta’ Joseph Muscat, fl-istess ġurnata li komplew jikbru s-sejħiet biex Muscat jirriżenja fid-dawl tal-mod kif sploda l-iskandlu tal-Panama u tal-kumpanija ‘Egrant’. Filfatt, malli daħal fis-sala taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Muscat intlaqa’ b’furur sħiħ, ċapċip u għajjat mill-partitarji Laburisti. Il-Ministru Konrad Mizzi, li wkoll inqabad li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama, ukoll intlaqa’ b’ċapċip u għajjat kbir.

Fid-diskors tiegħu, Muscat qal li minn għada se jibdew jitħaddmu t-turbini kollha tal-powerstation tal-gass, l-istess powerstation li kellha tkun lesta fl-2015. Qabel l-elezzjoni ġenerali, Muscat kien qal li jekk il-powerstation ma titlestiex fiż-żmien, jirriżenja.

Muscat irrefera wkoll għall-problema tat-traffiku, fejn iġġustifika ż-żieda fit-traffiku billi qal li dan huwa riżultat tal-fatt li qed jaħdmu aktar nies. Wara r-reazzjonijiet pożittivi tan-nies għall-proposta tal-Partit Nazzjonalista dwar il-metro, u wara erba’ snin bil-problema tat-traffiku tikber, il-Prim Ministru dalgħodu qal li issa se jibda jindirizza din il-problema.

Ara hawn taħt x’kienu l-messaġġi ewlenin ta’ uħud mill-kelliema waqt l-aħħar jum tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.

Edward Zammit Lewis

Il-Ministru Edward Zammit Lewis għażel li jiddedika ħin twil mid-diskors tiegħu biex ifaħħar lil Joseph Muscat. “Kont fuq il-bankijiet tal-iskola mal-Prim Ministru” ftaħar Zammit Lewis, waqt li appella lil dawk preżenti biex f’dan il-mument joqgħodu spalla ma’ spalla ma’ Joseph Muscat.

Ma naqasx milli jirringrazzja lil mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat “tax-xogħol li qed tagħmel”. Skont dak żvelat, Michelle Muscat hija sid il-kumpanija sigrieta ‘Egrant’.

Owen Bonnici

Tkellem ukoll il-Ministru Owen Bonnici, fejn tkellem dwar “is-suċċessi” li kiseb “il-mexxej Joseph Muscat”.

Jean Claude Micallef

Fid-diskors tiegħu, Jean Claude Micallef qal li jħossu qiegħed fid-dar naturali tiegħu u żied li d-DNA tal-Partit Laburista huwa differenti. Ma naqasx milli jsemmi l-ħbieb u qraba li fil-passat immilitaw fil-Partit Laburista.

Robert Abela

Aktar eloġji fil-konfront ta’ Joseph Muscat, din id-darba mill-kandidat Laburista Robert Abela li esprima l-fiduċja li għandu fil-Prim Ministru.

Konrad Mizzi

Il-Ministru Konrad Mizzi, li nqabad li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama, ingħata merħba kbira mill-partitarji Laburisti. Lil dawk ta’ quddiemu, Konrad Mizzi wiegħed li se jerġa’ jkun magħhom fl-elezzjoni li ġejja. Ma naqsux eloġji għal Joseph Muscat u biex in-nies jibqgħu jappoġġjaw lil Muscat.

Julia Farrugia

Wara li rrakkuntat l-istorja tagħha fil-Partit Laburista, fosthom il-memorja ta’ meta qrat l-aħħar bulettin tal-aħbarijiet fuq is-Super One, il-kandidat Laburista Julia Farrugia ammettiet li hemm il-problemi fuq id-distrett ta’ Konrad Mizzi. “Let’s get to business… il-ħames distrett hemm il-weġgħat” ammettiet Farrugia.

Jose’ Herrera

Il-Ministru Jose’ Herrera faħħar lil Joseph Muscat u qal li dak li rnexxielu jagħmel Joseph Muscat, l-ebda politiku ieħor ma rnexxielu jagħmel fl-istorja politika ta’ pajjiżna.

Id-diskors ta’ Herrera sar fid-dell tal-iskandlu tal-Panama, fejn hija l-ewwel darba fl-istorja li l-mara ta’ Prim Ministru qed tkun akkużata li hija sid ta’ kumpanija fil-Panama. Hija l-ewwel darba wkoll li Ministru tal-Gvern u Chief of Staff inqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Glenn Bedingfield

Id-diskors tal-kandidat Laburista u blogger f’Kastilja Glenn Bedingfield kien iddominat minn tifħir lejn il-Prim Ministru fejn insista li fil-korruzzjoni, il-poplu jafda lil Joseph Muscat.