Futbol Sport

Telfa mhux mistennija għal Milan kontra Empoli

Il-gowel tal-attakkant Levan Mchedlidze li fetaħ l-iskor (Ritratt: EPA)

It-33 ġurnata tal-kampjonat Taljan tas-Serie A offriet xi sorpriżi b’riżultati mhux mistennija. Milan tilfu 2-1 kontra Empoli f’San Siro filwaqt li Napoli spiċċat fi draw kontra Sassuolo.

SASSUOLO – Napoli spiċċaw 2-2 kontra Sassuolo fil-Mapei Stadium. It-tim ta’ Sarri fetaħ l-iskor fit-52 minuta meta minn kross ta’ Callejon, kien is-solitu DRIES MERTENS li b’daqqa ta’ ras mill-viċin għamilhom 1-0. Sassuolo ġabu d-draw seba’ minuti wara, b’DOMENICO BERARDI jieħu vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża Naplitana. LUCA MAZZITELLI poġġa lil Sassuolo fil-vantaġġ fit-80 minuta b’xutt fil-baxx, iżda ARKADIUSZ MILIK b’gowl mill-viċin wara azzjoni ta’ korner.

RUMA – Lazio reġgħu jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika wara li fi Stadio Olimpico kisbu rebħa faċli ta’ 6-2 fuq Palermo. CIRO IMMOBILE skorja doppjetta f’żewġ minuti kmieni fil-partita, biex BALDE KEITA skorja tripletta bejn il-21 u s-26 minuta. Palermo għamlu l-iskor ftit aktar rispettabbli b’doppjetta ta’ ANDREA RISPOLI fis-46 u t-52 minuta, biex LUCA CRECCO ssiġilla r-rebħa fid-90 minuta. –

MILAN – Pass falz ta’ Milan li f’darhom tilfu 2-1 kontra Empoli. Kien LEVAN MCHEDLIDZE li fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras tajba minn korner fl-40 minuta. Milan kellhom ċans iġibu d-draw fid-59 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fuq Pasalic, iżda Suso xxutja dgħajjef. Ta’ dan pattew qares, għaliex seba’ minuti wara Empoli rduppjaw, meta Maccarone niżżel tajjeb bir-ras lejn MAME THIAM li minn quddiem Donnarumma ma żbaljax. Milan naqsu d-distakk fit-72 minuta b’azzjoni personali ta’ GIANLUCA LAPADULA, iżda ma rnexxielhomx isalvaw il-logħba.

GENOVA – Crotone wieġbu għar-rebħa ta’ Empoli, meta huma wkoll għelbu 2-1 barra minn darhom lil Sampdoria fi Stadio Marassi. PATRIK SCHICK fetaħ l-iskor għal Blucerchiati fl-20 minuta, iżda DIEGO FALCINELLI ġab id-draw fis-67 minuta, biex SIMMY NWANKWO skorja l-gowl tar-rebħa fit-80 minuta.

VERONA – Rebħa barra minn darhom ukoll għal Torino li għelbu lil Chievo 3-1 fi Stadio Bentegodi. ADEM LJAJIC fetaħ l-iskor fit-52 minuta, biex DAVIDE ZAPPACOSTA rdoppja erba’ minuti wara. SERGIO PELLISSIER naqqas id-distakk fil-65 minuta, iżda IAGO FALQUE għalaq il-logħba kwarta mit-tmiem bit-tielet gowl.

UDINE –  Udinese għelbu lil Cagliari 2-1 bil-gowls kollha jaslu lejn it-tmiem. Fil-fatt, kien fis-70 minuta li Udinese marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ STIPE PERICA, biex GABRIELE ANGELLA rdoppja tliet minuti wara, biex MARCO BORIELLO naqqas id-distakk erba’ minuti mit-tmiem.

TURIN – Juventus ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Genoa 4-0 u komplew joqorbu għar-rebħ tas-sitt kampjonat konsekuttiv. Awto-goal ta’ Munoz fis-17-il minuta fetaħ l-iskor, biex żewġ minuti wara, PAULO DYBALA għamilhom 2-0. MARIO MANDZUKIC żied ieħor fil-41 minuta biex LEONARDO BONUCCI għaqqad il-poker fl-64 minuta.