#muscatgate Lokali

“Prim Ministru taħt investigazzjoni għandu jirriżenja” – Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

F'pajjiżna qed isiru oxxenitajiet u ħadd mhu jerfa' r-responsabbilta'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil sostna li Prim Minitru taħt investigazzjoni Maġisterjlai għandu jirriżenja u ddikjara li l-laqgħat li ssejjħu mill-President ta’ Malta mal-Prim Ministru u miegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni juru li anki l-President ta’ Malta hi konxja tal-gravità tas-sitwazzjoni

F’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN f’Tal-Pietà, il-Kap tal-PN tkellem dwar il-laqgħa mal-President tar-Repubblika li fiha hu appella lill-President dak li qal pubblikament il-Ħadd; jiġifieri li tintervjeni hi biex il-Prim Ministru jitlaq issa.

Il-Kap tal-PN sostna li dan reġa’ qalu lill-President u żied li jifhem li l-President ma tistax taqbad u tkeċċi lill-Prim Ministru hi, iżda hi għandha l-awtorità morali u jekk titkellem hi, kelma tagħha tiswa ħafna.

Ftit qabel il-laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-President ħarġet stqarrija li fiha għamlet żewġ punti ċarissimi fejn qalet li filwaqt li l-poteri tagħha huma limitati, hi se teżerċita dawk il-ftit poteri lilha mogħtija u li l-liġi f’pajjiżna trid tiġi osservata minn kulħadd.

Simon Busuttil qal li Joseph Muscat għandu jitlaq issa għaliex jinsab taħt investigazzjoni maġisterjali. Fl-ebda pajjiż Ewropew ma qatt smajna li Prim Ministru taħt investigazzjoni jibqa’ fil-kariga tiegħu.

Fl-Iżlanda, irriżenja l-Prim Ministru meta l-mara setgħet tgħid sewwa minn fejn kienu ġejjin il-flus; minn wirt ta’ missierha. Fi Franza, Jerome Cahuzac, il-Ministru tal-Baġit, b’kont sigriet li wkoll jista’ jgħid minn fejn ġejjin il-flus weħel tliet snin ħabs iżda appella. Fi Spanja, Jose Manuel Soria, irriżenja minn Ministru tal-Industrija, anki jekk ir-relazzjoni tiegħu kienet indiretta. Fil-Korea t’Isfel, il-President tneħħiet fuq korruzzjoni u hi investigata. Iżda f’Malta l-Prim Ministru jagħżel li ma jirreżenjax.

Ma jistax ikollok Prim Ministru taħt investigazzjoni u fl-istess ħin jiżgura li l-investigazzjoni ssir sew. Għall-kuntrarju, sakemm il-Prim Ministru jibqa’ hekk, aħna għandu dubji serji fuq kemm l-investigazzjoni qed issir b’mod serju. Flok l-awtoritajiet qed jinvestigaw lill-Prim Ministru qed jaraw kif jiddefenduh.

Diġà rajna provi jinħarġu minn Pilatus Bank u diġà rajna lill-Kummissarju jitlef ħin prezzjuż f’fenkata flok imur jissiġġilla l-evidenza. Il-Ministru tal-Intern Carmela Abela kellu l-wiċċ sfaċċat li saħansitra jammetti mat-Times: “the Commissioner acted immediately as soon as the PM asked him to call a magistrate and start an inquiry.”

Għaldaqstant sakemm Joseph Muscat jibqa’ Prim Ministru hemm dubju serju fuq kemm il-ġustizzja tista’ ssir. Żgur li bħalissa, l-ġustizzja ma tidhirx li qed issir u kif jaf kulħadd, il-ġustizzja mhux biss trid issir imma trid tidher li qed issir.

Il-Prim Ministru għandu jitlaq issa għaliex gideb mill-anqas ħames darbiet meta prova jiddefendi lilu nnifsu fuq l-allegazzjonijiet li ħarġu li l-kumpanija Egrant hija tal-mara tiegħu.

Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru gideb għaliex mhux veru li l-indirizz ta’ Egrant huwa żbaljat, gideb meta qal li Egrant ma setgħetx ‘tinbiegħ’ lil Michelle Muscat fl-2015 għax id-dokumenti ppubblikati mhumiex dokumenti ta’ bejgħ imma dokumenti li juru min hu s-sid ta’ Egrant, gideb għaliex mhux veru li l-kumpanija baqgħet ta’ Brian Tonna, imma kienet ta’ żewġ kumpaniji ta’ Mossack Fonsenca sakemm ingħalqet, gideb fuq il-post tat-twelid tal-mara tiegħu li hemm fuq l-informazzjoni li ħarġet u gideb għaliex dokument bħal dak li ssemma ma għandux bżonn numru ta’ ID card jew passaport biex ikun validu.

Il-Kap tal-PN qal li t-track record ta’ Muscat tul din l-aħħar sena u l-aħħar erba’ snin; b’mod partikolari li tant kien ovvju u sens komun li kellu jkeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri li la ma keċċihomx hu, allura deher kompliċi magħhom.

Mistoqsi dwar l-inkjesta Maġisterjali, Simon Busuttil qal li hu ma jista’ jobbliga lil ħadd imur jixhed iżda jħoss li Daphne Caruana Galizia għandha tmur tixhed.

Dwar l-inkjesta Maġisterjali, Simon Busuttil qal li għadu mhux ċar x’inhuma t-terms of reference tal-inkjesta Maġisterjali u jekk il-Maġistrat hux se jidħol fid-dettall kollu ta’ dan l-iskandlu. Li hu żgur hu li ma tistax issir inkjesta li ma tistaqsix ukoll jekk hux veru li Keith Schembri għandu kont bankarju f’Pilatus Bank, jekk hux veru li membri tal-familja Aliev u Ministri tal-Ażerbajġan għandhom kontijiet bankarji f’Pilatus Bank, ir-rapporti li Pilatus Bank ġie investigat fuq ħasil tal-flus u jekk hemmx rapport tal-FIAU dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri.