Nhar il-Ħadd saret il-maratona ta’ Londra u żewġ atleti Kenjani ddominaw u rebħu l-kategoriji rispettivi tagħhom.
Daniel Wanjiru, li għandu 24 sena rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena hekk kif għeleb l-isfida ta’ Kenenisa Bekele. Din kienet sorpriża meta wieħed iqis li Bekele għandu f’idejh ir-rekord tal-5000m u l-10,000m kif ukoll rebaħ żewġ midalji tal-kampjonati mondjali u tmien midalji Olimpiċi.
Wanjiru rebaħ it-tellieqa f’ħin ta’ sagħtejn, ħames minuti u 48 sekonda. Għal Wanjiru din kienet l-akbar rebħa fil-karriera tiegħu wara li sena ilu kien rebaħ il-maratona ta’ Amsterdam.
Aktar kmieni matul l-istess jum il-Kenjana Mary Keitany mhux biss rebħet it-tellieqa imma għamlet dan billi waqqfet rekord mondjali. L-atleta ta’ 35 sena għamlet id-distanza f’ħin ta’ sagħtejn, 17-il minuta u sekonda.
Ir-rekord preċedenti kien ilu li twaqqaf 12-il sena u kienet Paula Radcliffe li għamlet dan.
Wara biss ħames kilometri Keitany kienet diġà bniet vantaġġ tajjeb fuq l-avversarji tagħha u fit-tieni post spiċċat l-Etjopjana Tirunesh Dibaba.
Ta’ min jinnota li David Weir u Manuel Schar rebħu t-tlielaq tas-siġġu fir-roti.
//= $special ?>