Sport Waterpolo

Doppjetta ta’ Stevie Camilleri tgħin lil Ortigia jegħlbu lil Roma Vis Nova

Stevie Camilleri fl-azzjoni ma' Ortigia fil-partita kontra Roma Vis Nova

ORTIGIA………………..8

ROMA VIS NOVA…….4

(1-1, 2-2, 0-1, 5-0)

Doppjetta fl-aħħar sessjoni ta’ Stevie Camilleri għenet lil Ortigia jegħlbu lil Roma Vis Nova 8-4 f’logħba mimlija tensjoni. Iż-żewġ timijiet kienu qed ifittxu punti importanti biex jitbiegħdu miż-żona tal-play-out. L-ewwel żewġ sessjonijiet kienu bilanċjati b’botta u risposta bejn it-timijiet. Roma Vis Nova rebħu t-tielet sessjoni, b’Jerkovic jagħmel l-iskor 4-3 b’gowl 12-il sekonda mit-tmiem is-sessjoni.

Stevie Camilleri skorja l-ewwel gowl fil-partita biex għamel l-iskor 4-4, wara 24 sekonda mill-bidu tal-aħħar sessjoni. Wara li Danilovic poġġa lil Ortigia fil-vantaġġ, Stevie Camilleri għamilhom 6-4 b’gowl lejn nofs l-aħħar sessjoni, biex huma għalqu l-logħba b’żewġ gowls oħra lejn it-tmiem.

F’kumment li għadda lill-media tal-klabb tiegħu, Stevie Camilleri qal li “kienet partita sabiħa, b’intensità kbira. Konna blokkati fl-ewwel tliet sessjonijiet imma fir-raba’ waħda konna tajjeb ħafna u tajna kollox. Din kienet l-ewwel minn tliet finali, erbaħniha u rridu nkomplu hekk anki fiż-żewġ partiti li jmiss.” Camilleri flimkien ma’ Danilovic u Di Luciano spiċċa l-aqwa skorer tat-tim tiegħu.

Klassifika wara 24 logħba: Pro Recco 72 punt, AN Brescia 67 punt, Sport Management 58 punt, CN Posillipo 49 punt, CC Napoli 45 punt, RN Savona 35 punt, Pallanuoto Trieste 28 punt, Carpisa Acquachiara 25 punt, Ortigia 23 punt, SS Lazio Nuoto 20 punt, Roma Vis Nova 20 punt, Bogliasco 19-il punt, Reale Mutua Torino 19-il punt, Genova Quinto 7 punti

Fil-klassifika tal-aqwa skorers, Stevie Camilleri jinsab fit-23 post b’total ta’ 33 gowl skorjat u hu t-tieni l-aqwa skorer tat-tim tiegħu wara Danilovic li skorja erbgħa aktar minnu. Fil-lista hemm ukoll Christian Presciutti ta’ AN Brescia bi 38 gowl, li s-sajf li ġej se jkun il-barrani ta’ Sirens. L-aqwa skorer tal-kampjonat hu Antonio Petkovic bi 63 gowl, plejer li fil-passat lagħab fil-kampjonat tas-sajf ma’ Sliema.