Il-Prim Ministru Joseph Muscat mill-ġdid ħarab mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li ndirizza seminar organizzat mill-General Workers’ Union. Għal dan is-seminar, il-midja kienet mistiedna.
Wara li temm id-diskors tiegħu, Joseph Muscat ħareġ ‘il barra, fl-istess waqt li l-uffiċjal tal-Komunikazzjoni tiegħu Etienne Mifsud kien qed ipoġġi lill-midja fl-ordni li xtaquhom jagħmlu l-mistoqsijiet. Il-ġurnalisti kienu mwegħda li fl-ordni tagħhom, il-Prim Ministru kien se jagħti l-kummenti.
Iżda dan ma seħħx, bil-Prim Ministru jieħu biss mistoqsija waħda mingħand Malta Today. Mistoqsi dwar jekk kellux laqgħat mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca wara l-iskandlu tal-kumpanija Egrant, Joseph Muscat qal li hu jkollu laqgħat regolari u għandu laqgħa oħra llum, iżda ma żvelax x’intqal.
Kien f’dan il-punt li l-Prim Ministru għalaq il-kummenti tiegħu u ħarab lejn il-karozza tiegħu, fl-istess waqt li l-assistent tiegħu, Etienne Mifsud, intefa’ quddiem il-camera ta’ dan l-istazzjon bl-intenzjoni li ma jħalliniex inkomplu niġbdu.
Din mhix l-ewwel darba li l-Prim Ministru ħarab mill-ġurnalisti. F’Ġunju, Joseph Muscat ħarab darbtejn f’temp ta’ sagħtejn mill-ġurnalisti li riedu jistaqsuh dwar l-iskandlu ta’ Alfred Mifsud.
F’Ottubru li għadda hu ħareġ minn ħruġ ta’ emerġenza waqt li l-ġurnalisti kienu qed jistennewh fl-Aula Magna, tal-Belt Valletta.
//= $special ?>