Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qed jinsisti biex l-Awtoritajiet jieħdu l-miżuri neċessarji biex il-bajjiet u l-ibħra ta’ mal-lokalità jibqgħu dejjem nodfa. Is-sitwazzjoni li rresidenti ta’ San Pawl il-Baħar kellhom jiffaċċjaw is-sena li għaddiet mhix aċċettabbli.
Qal dan il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar permezz ta’ stqarrija li fiha ngħad li l-Kunsill Lokali anke organizza laqgħa pubblika li matulha ġew diskussi l-isfidi tal-fishfarms.
Il-Kunsill Lokali qed jinsisti biex il-fishfarms ma jibqgħux qrib il-bajjiet. La darba dawn il-fishfarms jiċċaqalqu, għandu jiġi assigurat li dan ma jsirx b’tali mod li jħalli impatt negattiv fuq ir-residenti. F’dak il-każ, il-Kunsill Lokali se jkun qed jopponi għal dan iċ-ċaqlieq.
Il-Kunsill Lokali jinsisti wkoll li l-Gvern jikkonkludi b’mod immedjat l-istudju dwar iż-żona ġdida tal-akwakultura fit-tramuntana ta’ Malta. Qed jinsisti wkoll li tintalab garanzija bankarja, li l-għalf li jingħata lill-ħut ma jkunx ta’ ħsara għall-ibħra, li l-gaġeġ ikunu mdawra b’materjal apposta biex jilqa’ l-ħmieġ, u li jsiru b’mod regolari testijiet u rapporti biex jiġi assigurat li f’kull ħin, l-ibħra u l-bajjiet ikunu ta’ livell ta’ ndafa mixtieq.
//= $special ?>

