Lokali

Jitnieda s-sit ForzaNazzjonali.com

Il-Partit Nazzjonalista nieda s-sit ForzaNazzjonali.com, li hu s-sit tal-kampanja tal-istess partit għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dan is-sit, frott xahrejn ta’ ħidma u studju, ikompli jibni fuq il-messaġġ ta’ massa, ta’ folla li qed tingħaqad bħala poplu Malti u Għawdxi għal pajjiż aħjar, kif spjegat is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake waqt it-tnedija tas-sit.

Is-sit jinkludi mhux biss il-messaġġi politiċi tal-Partit Nazzjonalista, akkumpanjati minn ritratti u filmati, imma wkoll diversi sezzjonijiet oħra li fost l-oħrajn jinkludu l-proposti tal-Partit Nazzjonalista, stħarriġ, kuntatti mal-uffiċjali tal-partit u post fejn wieħed jista’ jagħti donazzjoni lill-istess Partit Nazzjonalista.

Intant il-Partit Nazzjonalista se jorganizza wkoll maratona ġbir ta’ fondi għal nhar il-Ħamis li ġej, filgħaxija, bl-għan li jkollu l-għodda biex jaffaċċja l-elezzjoni ġenerali.