#muscatgate Lokali

Konferma li Pilatus Bank ġie nvestigat fl-2015

Fi stqarrija dwar l-iżviluppi fil-każ tal-kumpanija Egrant, l-MFSA, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta kkonfermat li Pilatus Bank ġie nvestigat fl-2015.

L-MFSA qalet li tat liċenzja lil Pilatus Bank biex jaġixxi bħala istituzzjoni ta’ kreditu skont it-termini ta’ l-Att
dwar il-Kummerċ Bankarju fit-3 ta’ Jannar 2014. L-MFSA qalet ukoll li l-applikazzjoni għal-liċenzja kienet ipproċessata u vvalutata f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti legali applikabbli u skont il-proċeduri li għandha l-Awtorità biex tapprova l-għoti ta’ liċenzja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

L-MFSA qalet li Pilatus Bank huwa suġġett għar-regoli prudenzjali u superviżorji kif ukoll tal-proċeduri ta’ superviżjoni kontinwa tal-MFSA li huma applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Fil-fatt l-MFSA kkonfermat dak rappurtat li fl-2015 il-Bank Pilatus kien ġie nvestigat.

The Malta Independent on Sunday ilbieraħ żvelat li l-MFSA ilha tinvestiga l-Pilatus Bank minn qabel feġġew l-allegazzjonijiet riċenti.

Sorsi qrib din il-gazzetta kkonferma li l-investigazzjoni mill-MFSA ilhom li bdew, qabel ma feġġew l-allegazzjonijiet li kumpaniji mill-Ażerbajġan għaddew fondi lill-kumpaniji sigrieti tal-Ministru Konrad Mizzi, Keith Schembri u ta’ mart il-Prim Ministru.

Għalkemm mhux magħruf eżatt fuq xhiex inhuma l-investigazzjoni, l-MFSA tagħmel l-investigazzjonijiet meta jkun hemm tranżazzjonijiet suspettużi li jistgħu iwasslu għal fost l-oħrajn ħasil ta’ flus.

L-Awtorita Maltija għas-servizzi finanzjarji, kienet ħarġet il-liċenzja għal dan il-bank fis-sitta ta’ Awwissu tal-2015 sena u nofs wara li dan il-bank irreġistra fir-reġistru tal-kumpaniji tal-MFSA.