Tikber il-pressjoni fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat wara li ilbieraħ fil-Belt Valletta eluf ta’ persuni ingħaqdu fi Front Nazzjonali kontra l-Gvern, u wara l-allegazzjonijiet serjissimi li ħarġu fl-aħħar jiem. Ilbieraħ ukoll, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) stqarret b’mod ċar u dirett li bħalissa pajjiżna jinsab fi kriżi.
Fl-istqarrija l-MEA qalet li hi allarmata dwar ir-rapporti estensivi li qed joħorġu fil-media u li qegħdin itappnu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru rispettat fl-Unjoni Ewropea għas-servizzi finanzjarji. L-MEA qalet li ma kienx hemm reazzjoni serja u kredibbli għal din is-sitwazzjoni min-naħa tal-Gvern u tad-diversi istituzzjonijiet tiegħu.
Dan hu ta’ tħassib kbir u kundanabbli minħabba li fin-nofs hemm il-ħajja tas-settur finanzjarju li hu kritiku u li jipprovdi aktar minn 12,000 impjieg diċenti, u dan hu settur li nbena bi tbatija kbira u li ssaħħaħ matul is-snin u li fuqu jiddependu setturi oħra tal-ekonomija għat-tkabbir sostenibbli.
Dak li jidher li qed iseħħ b’mod negattiv, bla ma jittieħdu l-ebda passi issa qed jhedded il-kredibbiltà ta’ Malta bħala stat demokratiku vijabbli u pajjiż membru tal-UE li hu kapaċi jattira investiment barrani minn sorsi diċenti.
//= $special ?>