#muscatgate Lokali

L-IFSP U L-MUBE JESPRIMU INKWIET GĦAR-REPUTAZZJONI TA’ PAJJIŻNA

Il-bagalji li nħarġu minn Pilatus Bank fis-satra tal-lejl
L-IFSP qal li hu essenzjali li l-istituzzjonijiet responsabbli u l-forzi tal-ordni jaġixxu b’mod tempestiv u effettiv sabiex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw l-infurzar tal-liġi. Fin-nuqqas ta’ dan, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tittappan b’mod irrimedjabbli.

L-Istitut tal-operaturi fil-qasam tas-servizzi Finanzjarji l-IFSP esprima tħassib serju dwar is-sitwazzjoni preżenti li qed ikollha effetti serji fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. U b’konsegwenza, dan se jkollu impatt fuq Malta bħala destinazzjoni li tattira investiment internazzjonali.

Fi stqarrija, għan-nom ta’ iktar minn 400 membru li jimpjegaw eluf ta’ persuni, l-IFSP hu mħasseb b’mod partikolari kif qed jitqajjmu dubji dwar il-fibra etika tal-industrija kollha tas-servizzi finanzjarji.

L-IFSP qalet li l-istituzzjonijiet responsabbli u l-aġenziji tal-infurzar  għandhom jaqdu l-funzjonijiet tagħhom u jwieġbu ta’ għemilhom. L-Istitut qal li s-saltna tad-dritt hi fundamentali biex pajjiz jaħdem sew, mhux biss għas-servizzi finanzjarji iżda għall-bażi demokratika tal-pajjiż kif imfissra fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.

L-IFSP qal li hu essenzjali li l-istituzzjonijiet responsabbli u l-forzi tal-ordni jaġixxu b’mod tempestiv u effettiv sabiex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw l-infurzar tal-liġi. Fin-nuqqas ta’ dan, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tittappan b’mod irrimedjabbli.

L-IFSP kompla li hi propju din l-instabilita’, li kienet ikkawżata bil-mod kif il-forzi tal-ordni wieġbu l-allegazzjonijiet riċenti li thedded ir-reputazzjoni tal-industrija, li f’dawn l-aħħar snin saret waħda mill-pilastri tal-ekonomija Maltija.

L-Istitut wissa’ jekk din ir-reputazzjoni tintilef, diffiċli li wieħed jerġa jirkupra l-investiment li jkun mitluf għand kompetituri ta’ Malta.

Intant fi stqarrija oħra, il-Union tal-Ħaddiema tal-Banek l-MUBE appellat lill-istituzzjonijiet kollha biex jaqdu dmirijiethom b’integrita’, effiċjenza u konsistenza. L-MUBE qalet li jekk dan ma jsirx, tkun qed tigi perikolata il-kredibilita’ tal-pajjiż u din tkun ta’ theddida għall-ġid komuni.

L-MUBE appellat ukoll biex il-politika partiġġjana ma tkunx protagonista u l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu biex jivverifikaw il-fatti u jaġixxu fuqhom sabiex titħares ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-union appellat għall-kawtela f’din is-sitwazzjoni u fl-istess waqt tkompli l-ħidma sabiex jiġu attirati investituri serji li jkomplu jkabbru wieħed minn fost l-iktar setturi importanti tal-ekonomija Maltija.