BLOGS

Sejħa ta’ Poplu

Meta l-politika tnissel id-dibattitu u l-argumentazzjoni, allura tkun qiegħda tilħaq il-milja tagħha bħala indikazzjoni ta’ polz is-soċjetà. L-idea li l-politika hija l-polz tal-poplu, hija idea li llum tant tgħodd għall-widna, li ftit li xejn nieqfu naħsbu dwar il-vera tifsira fid-dimensjoni mwessgħa tagħha. Irridu għalhekk, kull tant żmien nanalizzaw mill-ġdid din il-frażi u nqisuha fil-mument attwali tal-attività soċjopolotika sabiex verament nifhmu kif il-politika u s-soċjetà jistgħu – u hekk hu mistenni – jimxu id f’id.

Għalhekk, b’dan il-ħsieb bħala l-punt tat-tluq, nagħrfu sewwa l-validità fl-argumenti miġjuba mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista fir-rigward tal-allegazzjonijiet li dehru dil-ġimgħa, hekk kif ippreżentati mill-blogger Daphne Caruana Galizia, li jqisu relazzjoni bejn il-kumpanija Egrant u mart il-Prim Ministru Muscat. L-allegazzjonijiet huma xokkanti, mhux biss fil-konfini tagħhom infushom għax jikxfu rabta bejn ħasil ta’ flus u l-Prim Ministru, imma għaliex donnhom jagħtu dawl fuq serje ta’ skandli li ttellgħu fil-beraħ tul dawn l-erba’ snin, li meta jitqiegħdu fuq ir-roadmap ta’ korruzzjoni, jibdew jagħmlu sens u jwieġbu anke għall-azzjonijiet jew in-nuqqas ta’ azzjonijiet mill-Prim Ministru għal diversi allegazzjonijiet skandalużi misjuqa minn prassi korrotti.

Matul din il-leġislatura fil-fatt rajna lil Muscat maqbud b’ostaġġ minn Keith Schembri u Konrad Mizzi, żewġ persuni importanti tassew għall-Kabinett, u li meta ġie żvelat l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers – skandlu li wassal ukoll għar-riżenja tal-Prim Ministru Iżlandiż u Ministru fi Spanja – baqgħet qatt ma ttieħdet azzjoni fil-konfront tagħhom hekk kif mistenni minn Prim Ministru serju ta’ pajjiż demokratiku. Illum, jekk allura nibbażaw l-argument fuq l-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia, inkunu qed ningħataw tweġiba għaliex Muscat baqa’ b’idejh marbuta u ma ħax azzjoni, għaliex hu nnifsu għandu wkoll idu mċappsa bid-demm tad-delitt, id-delitt fil-forma ta’ iskandlu li l-Kumitat tal-Unjoni Ewropea PANA rrefera għalih bħala każ klassiku ta’ ħasil ta’ flus.

Ir-rivelazzjoni ta’ sid Egrant, il-kumpanija li nfetħet minn Brian Tonna ta’ Nexia BT, li wkoll huwa qrib sewwa l-Prim Ministru Muscat, bħalma nfetħu l-kumpaniji Tillgate u Hearnville, ġabet magħha wkoll konferma tal-kollass tal-istituzzjonijiet indipendenti Maltin. L-Oppożizzjoni ilha tirrimarka li l-Gvern ta’ Muscat qiegħed inaqqi d-demokrazija għaliex l-istituzzjonijiet qed ikunu dejjem aktar imdgħajfa. Għaldaqstant, li f’leġislatura l-Kummissarju tal-Pulizijia jinbidel 5 darbiet, għalkemm minnu nnifsu huwa indikazzjoni ta’ instabbiltà irresponsabbli ta’ Gvern li ma jqisx lill-Korp bħala prijorità li ġġib serħan ta’ moħħ, ikompli juri li hemm xi ħaġa li mhix sejra tajjeb, anzi li sejra ħażin ħafna. L-aħħar riżenja, dik ta’ Michael Cassar li magħha wkoll rajna r-riżenja ta’ Manfred Galdes (tal-FIAU) ġabet magħha reazzjonijiet dubjużi, li possibbilment jindikaw ‘hijack’ fil-korp għaliex il-Kummissarju ma tħalliex jinvestiga l-każ serju tal-Panama Papers u l-involviment ta’ Schembri u Mizzi, anke għax kienu huma li flimkien mal-Pirm Ministru nnegozjaw fl-Ażerbajġan, innegozjaw l-Electrogas u l-bejgħ tal-isptarijiet, negozjati li wkoll iwasslu għal telf ta’ miljuni kbar għall-pajjiż. Awtomatikament, dan kollu jnissel dubju, imma mhux biss, inissel ukoll diżappunti, qerq u ingann minn Gvern li tela’ b’għajta ta’ trasparenza u akkontabbiltà, liema żewġ kriterji kellhom jagħtu lil pajjiżna Gvern li jkun kollox minbarra dak li huwa l-Gvern ta’ Muscat stess.

Il-‘hijack’ tal-korp iżda, ħa żvolta kompletament differenti meta l-allegazjonijiet dwar Egrant ma kinux immedjatament investigati, u saħansitra ngħata biżżejjed żmien sabiex kull evidenza tkun maħruġa mill-Bank Pilatuss f’Ta’ Xbiex, il-bank li fih, allegatament kien hemm il-provi li jinkriminaw lil Muscat u jikxfu x-xibka ta’ korruzzjoni li tgħaqqad il-‘jigsaw puzzle’ kollha. L-allegazzjonijiet stess kellhom minn tal-anqas jinkoraġġixxu lill-Kummissarju tal-pulizija – L-Oppożizzjoni ilha ssejjaħlu ‘pupazz’ tal-Prim Ministru, forsi issa nikkonfermaw ukoll li għandha raġun tassew – li jinvestiga fl-immedjat. Madankollu, in-nuqqas ta’ azzjoni minnu kkonfermat il-kollass tal-Korp taħt il-leġislatura ta’ Muscat. Huwa għalhekk li għandu minnufih jirreżenja!

Dan kollu, allura jmur oltre mill-allegazzjonijiet dwar Egrant, imma jikkonferma li Malta bħala Stat saret suġġettibbli għal dak li jgħid il-Prim Ministru, azzjoni li ġġib minn Malta stat ta’ xejra dittatorjali, xejriet li Muscat wiret minn Aliyev, possibbilment meta żaru bil-moħbi tal-midja lokali biex jinnegozja minjaf xiex!

Għalhekk, Busuttil qiegħed jagħmel sejħa ta’ poplu, sejħa li tagħti fiduċja lil poplu li għandu kull dritt jistenna governanza ġusta. Illum ningħaqdu lkoll f’demostrazzjoni kontra l-Gvern korrott!

Dan l-artiklu qed jidher fil-ħarġa ta’ ‘Illum’, nhar il-Ħadd 23 ta’ April 2017.