Lokali Qorti

Talba biex tinżamm evidenza teknika dwar il-mobile ta’ Chris Cardona fil-każ ta’ Acapulco

L-avukati ta’ Daphne Caruana Galizia ppreżentaw rikors fil-qorti biex tkun assigurata l-preservazzjoni tal-files TAP3 mill-operaturi tat-telefonija tal-mobiles dwar fejn kien il-Ministru Chris Cardona meta allegatament hu żar l-FKK Acapulco.

Daphne Caruana Galizia, sostniet li l-Ministru Cardona kien żar burdell; liema allegazzjoni kienet miċħuda mil-Ministru Cardona li ressaq ukoll diversi libelli.

It-TAP3 fils jinkludi l-ħinijiet ta’ telefonati u sms mibgħuta, il-lokazzjoni u l-codes tat-telefonati u l-informazzjoni dwar is-cell tower ID tan-newtork tal-operatur barrani li jkun fis-seħħ meta persuna tkun barra minn Malta u informazzjoni relatata.

Il-Ministru Cardona qal li dakinhar hu kien baqa’ f’Essen fil-Ġermanja fejn kien hemm jattendi forum tal-Kummissjoni Ewropea. Hu nsista li qatt ma’ mar fil-burdell, li hu 20 kilometru ‘l bogħod minn Essen.

Fir-rikors l-Avukati Antonio Ghio u Joe Zammit Maempel, li qed jidhru għal Caruana Galizia, qalu li hemm il-possibbiltà li meta Caruana Galizia tressaq il-provi, il-files TAP3 għall-perjodu bejn it-30 u l-31 ta’ Jannar 2017 jkunu tħassru.

L-avukati difensuri talbu lill-qorti biex tordna lill-Vodafone, lill-Go u lill-Melita biex fl-iqsar żmien possibbli jiddikjaraw jekk humiex il-kumpanija li tipprovdi s-servizzi lil Chris Cardona.

Huma talbu wkoll lill-qorti biex tordna l-konservazzjoni ta’ kull TAP3 files b’konnessjoni mal-Ministru Cardona li huma fil-pussess tagħhom u kull tip ta’ file ieħor għandu l-istess funzjoni u skop ta’ TAP 3 file. L-istess talba saret fil-konfront ta’ Joe Gerda, l-uffiċjal tal-Ministeru li kien ma’ Chrs Cardona.