Ambjent Lokali

Bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent – Id-Dokument kwalita’ ta’ ħajja aħjar

Irridu noħolqu bilanċ bejn l-iżvilupp u s-sostenibilita’ tal-ambjent f’pajjjiżna. Dan hu l-iskop tad-dokument li l-Partit Nazzjonalista fassal b’171 proposta li għandhom iwasslu għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar.

Qalet dan ix-Shadow Minister għall-Ambjent u l-Enerġija Marthese Portelli waqt preżentazzjoni li saret tad-dokument tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Ambjent lil l-Awtorita’ għall-Ippjanar, l-Awtorita’ għar-Riżorsi u l-Ambjent u lill-bord tar-regoli tal-bini.

Preżenti għal din il-preżentazzjoni tad-dokument kien hemm anke il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ippjanar, Ryan Callus, il-Kelliem għall-Investiment Ċensu Galea, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Mark Anthony Sammut u Simone Vella Liniker li kienet mexxiet il-konvenzjoni ġenerali dwar l-Ambjent u li għenet biex tfassal id-dokument tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Ambjent.

Fl-ispjega tagħha x-Shadow Minister Marthese Portelli qalet  li l-proposti fid-dokument ma sarux biss mill-Partit Nazzjonalista  imma minn esperti fil-qasam, akkademiċi u anke l-pubbliku nġenerali fost oħrajn.

Portelli qalet wkoll li parti mill-iskop tad-dokument hu li pajjiżna jkollu politika ambjentali li anke jekk jinbidel il-gvern dik il-politika tibqa’ miexja ‘il quddiem għaliex l-iskop hu li l-pjan ikun approvat minn żewġ terzi tal-Parlament.

Matul il-preżentazzjoni Marthese Portelli spjegat uħud mill-proposti fosthom ir-reviżjoni tal-istrateġija għall-ambjnet u l-iżvilupp, proposti fuq ir-riġenerazzjoni taż -żoni urbani fosthom tnaqqis ta’ taxxa għal min jixtri postijiet kummerċjali f’postijiet ta’ riġenerazzjoni urbana.

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli temmet tgħid li b’dawn il-proposti, il-poplu jista’ jżomm gvern nazzjonalista kontabbli jekk il-proposti ma jidħlux kollha fis-seħħ.