Internazzjonali

Ġellieda Kurdi anti-ISIS maqtula f’attakki tat-Torok

Talanqas 20 ġellieda Kurdi li qed jiġġieldu kontra t-terroristi tal-ISIS fis-Sirja u l-Iraq tilfu ħajjithom waqt attakki mill-qawwiet tal-ajru tat-Turkija.

Il-milizzja tat-Taqsimiet  Popolari għall-Protezzjoni (tal-Kurdi) qalet li l-pożizzjonijiet tal-ġellieda tagħhom, illum, intlaqtu minn diversi attakki, iżda t-Turkija wieġbet li l-ajruplani tagħha laqtu biss ‘hubs tat-terrur’ assoċjati mal-militanti Kurdi tal-grupp PKK.

Il-grupp tat-Taqsimiet Popolari għall-Protezzjoni tal-Kurdi  hu appoġġjat mill-Istati Uniti li jirrikonoxxi l-importanza u s-sinifikat ta’ din l-entità fil-ġlieda kontra l-ISIS.

Intant, kelliema għall-grupp Syrian Observatory for Human Rights, ibbażat fir-Renju Unit, wassal l-informazzjoni li l-qawwiet tal-ajru Torok, illum, ‘immiraw għall-pożizzjonijiet tal-Kurdi fil-provinċja ta’ Hassakeh, lejn il-grigal tas-Sirja, fejn, fost oħrajn, laqtu stazzjon tar-radju u ċentru għall-istampa.

Sensiela ta’ attakki separati, imbagħad, laqtu bażi fil-limiti ta’ Sinjar, fit-Tramuntana tal-Iraq u qrib il-fruntiera mas-Sirja. Ingħad li f’dan il-każ inqatlu almenu sitt ġellieda tal-Peshmerga, li huma l-qawwiet militari tar-reġjun awtonomu tal-Kurdistan Iraqi.

It-Turkija, aktar tard, qalet li l-azzjonijiet ‘kontra t-terroristi Kurdi’ kellhom ikomplu ‘b’determinazzjoni’ waqt li kmandanti tal-qawwiet Kurdi fis-Sirja sejħu lill-alleati internazzjonali biex jiddefendu lil dawn il-qawwiet ‘minn aktar attakki u abbużi mill-qawwiet Torok’.