Lokali

Ilbieraħ ġie inawgurat il-monument tal-korruzzjoni – PN

Ilbieraħ, Joseph Muscat inawgura l-Power Station il-ġdida: din hija monument tal-korruzzjoni. Dan qalitu x-Shadow Minister għall-Enerġija, Trasport, u Ambjent Marthese Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Mark Anthony Sammut.

Marthese Portelli qalet li l-Gvern biegħ l-Enemalta għal €320 miljun u l-bniedem li nnegozjaw miegħu minn-naħa Ċiniża, Chang Chen, ukoll inqabad b’kumpanija sigrieta miftuħa mill-konsulent tal-Prim Ministru, din id-darba, fil-British Virgin Islands.

Ix-Shadow Minister qalet li d-deal dwar il-Power Station li ġiet inawgurata l-bieraħ iqajjem suspetti ovvji dwar jekk id-deal sarx fl-aħjar interess tal-poplu Malti jew ta’ xi kont jew but ta’ xi ħadd. U dan għaliex dan id-deal ġie nnegozjat minn Konrad Mizzi, il-Ministru li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama bl-iskop li fiha jitfa` minn tal-anqas miljun dollar fis-sena f’commissions.

Marthese Portelli qalet ukoll li dan id-deal żgur li mhuwiex fl-aħjar interess tal-poplu, u li anke jekk mhuwiex wieħed korrott, huwa wieħed ħażin.  Dan minħabba l-fatt illi l-Gvern Laburista intrabat illi jixtri l-elettriku kollu tal-Electrogas għat-18-il sena li ġejjin, anke jekk pajjizna ma jkollux bżonnu, u dan b’rati li jilħqu d-doppju ta’ dak li qed nħallsu llum mill-interconnector.

Barra minn hekk, qalet Marthese Portelli, li l-Prim Ministru stess, issa qiegħed jikkonferma kemm il-politika tal-enerġija tal-Partit Nazzjonalista kienet dik it-tajba. Il-Prim Ministru illum jitkellem dwar it-tlett pilastri tal-politika tal-enerġija tal-Partit Nazzjonalista daqs li kieku kienet idea tiegħu mill-bidu nett.

1. Illum il-Gvern jiftaħar bil-BWSC, dik li meta kien fl-Oppożizzjoni kien jgħid illi hija fabbrika tal-kanċer.  Illum għandna l-prova mill-Prim Ministru stess illi l-għażla tal-BWSC kienet dik tajba u dan għaliex ippermettiet li tkompli l-qalba tiegħu għall-gas.

2. Illum il-Gvern jiftaħar bl-interconnector.

3. Illum il-Gvern illum jiftaħar bil-pipeline tal-gas.

Ix-Shadow Minister qalet li bil-kumpaniji sigrieti fil-Panama, u bin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Prim Ministru fuq l-allegat korruzzjoni u skandlu ta’ Pilatus Bank u Egrant, fid-dawl tan-nuqqas ta’ trasparenza fil-qasam tal-enerġija u d-deals ta’ Konrad Mizzi (fosthom id-deal mas-Socar li minnha l-poplu Malti tilef €14-il miljun, il-prezzijiet għoljin tal-fuels minkejja illi l-prezz internazzjonali taż-żejt kienu għadu fl-inqas livelli, il-ħabi tal-klawsoli l-iktar importanti għall-poplu Malti fid-diversi kuntratti ili ġew iffirmati minħabba l-powerstation u l-bejgħ tal-Enemalta), il-poplu Malti m’għadux jemmen lil Joseph Muscat.  Partit Nazzjonalista fil-Gvern jiggarantixxi illi ċ-ċittadin ikollu l-opportunità li jixtri l-elettriku minn fejn ikun l-irħas u mhux minn fejn ikun jaqbel għal xi kont fil-Panama.

Min-naħa tiegħu, Mark Anthony Sammut qal li Joseph Muscat gideb meta pprova jiskredita id-Declaration of Trust li ġiet ippubblikata minn Daphne Caruana Galizia.

1.   L-indirizz tal-kumpanija Egrant

Skont Joseph Muscat, Egrant ma setax ikollha indirizz f’Malta. Iżda Mark Anthony Sammut qal li l-kumpaniji Hearnville u Tillgate ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom l-istess indirizz identiku.

2. Egrant ma setgħetx tinbiegħ fl-2015

Joseph Muscat insista li l-kumpanija ma setgħetx tinbiegħ lil Michelle Muscat iżda d-dokument li ġie żvelat huwa Declaration of Trust u mhux dokument ta’ bejgħ: Declaration of Trust huwa dokument li jgħid ta’ min hija l-kumpanija.

3. Ix-shares ta’ din il-kumpanija qatt ma ċċaqalqu

Il-Prim Ministru qiegħed jgħid li Egrant hija ta’ Brian Tonna iżda l-informazzjoni disponibbli fir-reġistru tal-kumpaniji ta’ Panama tgħid b’mod ċar li ż-żewġ shareholders ta’ Egrant huma ż-żewġ kumpaniji Dubro Limited u Aliator. Hija gidba li Brian Tonna huwa s-sid ta’ Egrant, qal Mark Anthony Sammut, għaliex sal-mument li din ġiet likwidata fis-6 ta’ dan ix-xahar stess s-sidien kienu ż-żewġ shareholders imsemmija.

4. Il-post tat-twelid ta’ Michelle Muscat

Il-Prim Ministru stess qiegħed jgħid l-ID card tal-mara tiegħu tgħid li hija mwielda r-Rabat, u dan huwa d-dettall li jidher fuq id-Declaration of Trust, qal Mark Anthony Sammut. Huwa qal li dan ikompli jikkonferma li min fetaħ il-kumpanija kien ra l-ID Card ta’ mart il-Prim Ministru.

5. Id-Declaration of Trust ma turix numru ta’ ID Card jew Passaport

Mark Anthony Sammut qal li l-Prim Ministru gideb ukoll meta l-esperti jgħidu li sakem hemm l-identità ċara, Declaration of Trust m’għandux għalfejn ikollu numru ta’ ID Card jew Passaport.