Is-sottomarin USS Michigan tal-qawwiet tal-baħar Amerikani wasal fil-port ta’ Busan, fil-Korea t’Isfel. Dan fost l-inkwiet li l-Korea ta’ Fuq komunista qed tħejji eżerċizzju ieħor bil-missili, inkella xi prova nukleari ġdida.
Is-sottomarin, li jġorr numru ta’ missili cruise, għandu jissieħeb ma’ flotilla ta’ bastimenti tal-gwerra tal-Istati Uniti, immexxija mill-aircraft carrier, Carl Vinson, li, bħalissa, qed tavviċina l-peniżola Koreana.
Qed jingħad li l-waqfa tal-Michigan f’Busan kienet parti minn ‘żjara ta’ rutina’ u li s-sottomarin, ’il quddiem, se jieħu sehem f’eżerċizzji militari, flimkien mal-grupp tal-bastimenti inkwistjoni li qed ibaħħar lejn il-Korej ‘bi preparazzjoni għall-iżviluppi fir-reġjun’.
Il-Korea ta’ Fuq irreaġiet b’rabja għall-movimenti tal-Carl Vinson u l-bastimenti l-oħra fost it-theddid li ‘jgħarraq l-aircraft carrier tal-Amerikani’ u kummenti li lesta ‘tirribatti bil-qawwi l-aggressjoni mill-Istati Uniti’.
Il-Korea ta’ Fuq, illum qed tiċċelebra l-85 anniversarju mit-twaqqif tal-Armata tagħha, b’kelliema tal-Korea t’Isfel jgħidu li l-komunisti fi Pyongyang fakkru dan l-avveniment b’eżerċizzju ‘ta’ sparar’ fuq skala kbira.
It-tensjoni madwar il-peniżola Koreana għadha għolja, wara li r-reġim tal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, u l-Istati Uniti użaw kliem iebes fil-konfront ta’ xulxin.
L-esperti qed jinkwetaw li l-Korea ta’ Fuq għandha ‘programm ta’ provi’ ippjanat għall-jiem li ġejjin. Dan meta hu magħruf li l-komunisti, fil-passat, iċċelebraw xi anniversarju importanti bi provi nukleari, jew sparaturi ta’ missili waqt prova.
Intant, il-Ministeru tad-Difiża tal-Korea t’Isfel qal li, s’issa, ‘ma dehru l-ebda żviluppi mhux tas-soltu’ mir-rivali tal-peniżola. Ingħad li l-Koreani komunisti, minflok, organizzaw live-fire drill madwar il-belt ta’ Wonsan – bl-ogħla uffiċjali fil-Korea t’Isfel, bħalissa, qed isegwu mill-qrib il-movimenti tal-militar Korean komunista.
//= $special ?>