Internazzjonali

Le Pen twarrab minn kap tal-Front Nazzjonali

L-istħarriġ tal-opinjoni jissuġġerixxi li Macron hu l-favorit kbir għall-Presidenza iżda Le Pen għandha qalbha qawwija li hi tista’ tirbaħ.

Marine Le Pen, il-kandidat estremista tal-lemin li fil-jiem li ġejjin se tikkuntesta t-tieni fażi deċiżiva tal-elezzjoni għall-Presidenza Franċiża, ħabbret li qed twarrab mit-tmexxija tal-Partit għall-Front Nazzjonali.

Le Pen qalet li ħadet din id-deċiżjoni minħabba li hi konvinta  li l-Presidenza ta’ Franza ma trid bl-ebda mod tissimbolizza d-diviżjoni iżda l-għaqda tal-Franċiżi kollha. Hi, għaldaqstant, sostniet li mgħadhiex il-President tal-Front Nazzjonali, iżda l-kandidat għall-Presidenza ta’ Franza.

Fl-istess ħin, Le Pen qed tindika wkoll li d-deċiżjoni tagħha biex twarrab mit-tmexxija tal-partit għandha sservi biss għal żmien temporanju

Marine Le Pen se tikkuntesta r-round finali tal-elezzjoni Presidenzjali kontra l-kandidat taċ-ċentru, Emmanuel Macron li ħareġ l-aħjar fl-ewwel fażi tal-elezzjoni ta’ nhar il-Ħadd. L-istħarriġ tal-opinjoni jissuġġerixxi li Macron hu l-favorit kbir għall-Presidenza iżda Le Pen għandha qalbha qawwija li hi tista’ tirbaħ. Dan waqt li hi qalet lill-istazzjon France 2 li pajjiżha, illum, qed jersaq lejn mument deċiżiv fl-istorja.