Internazzjonali

Qatel lil bintu ‘live’ fuq Facebook qabel wettaq suwiċidju

Il-Missier fimkien ma' bintu

Raġel ta’ 21 sena fit-Tajlandja bagħat filmat live tiegħu fuq Facebook waqt li kien qed joqtol lil bintu ċkejkna. Intant, hu  ma tilifx iż-żmien biex ineħħi  ħajtu wara r-reat li xxokkja lill-pajjiż kollu.

Ir-raġel spiċċa jgħallaq lit-tarbija, imbagħad lilu nnifsu meta kien ġo lukanda diżabitata fl-inħawi ta’ Phuket. Ir-rapporti qalu li hu wettaq dan wara argument ‘jaħraq’ li kellu ma’ martu.

L-amministraturi ta’ Facebook bagħtu l-kondoljanzi lill-familja tat-tarbija għall-inċident ‘terribbli’ u aċċertaw li l-materjal li bagħat ir-raġel, issa, tneħħa mill-media soċjali. Il-kumpanija ta’ Facebook, fil-preżent qed twiegħed li tirrevedi l-proċessi tagħha wara li filmat ta’ qtil ieħor, din id-darba fl-Istati Uniti,  dam is-sigħat online, aktar kmieni fix-xahar.

Il-filmat tal-qtil tat-tarbija fit-Tajlandja seta’ jidher ukoll fuq Youtube għal xi żmien, qabel il-kumpanija inkwistjoni neħħietu wara li l-BBC kien ġibdilha l-attenzjoni.

Sar magħruf ukoll li l-qraba tat-Tajlandiż kienu raw ‘kważi mal-ewwel’ il-filmat tal-qtil fuq Facebook u kkuntattjaw minnufih lill-Pulizija – iżda l-awtoritajiet kienu tard wisq biex isalvaw lir-raġel u lil bintu.