Is-sewwieq Taljan tal-Yamaha Valentino Rossi qal li anke hu stess jinsab sorpriż li qiegħed fl-ewwel post tal-klassifika ġenerali wara li saru tliet Grand Prix. Rossi beda jsibha diffiċli biex jirreġistra ħinijiet tajbin tant li l-kollega ġdid tiegħu Maverick Vinales beda jmur aħjar minnu.
Imma meta wasal il-mument tal-verità, is-seba’ darbiet champion tal-MotoGP dejjem mar tajjeb tant li s’issa dejjem kiseb post fuq il-podju.
Hu temm fit-tielet post fil-Qatar filwaqt li fl-Arġentina u fl-Istati Uniti spiċċa t-tieni. Grazzi għal dawn ir-riżultati Rossi bħalissa għandu total ta’ 56 punt u qiegħed b’sitt punti vantaġġ fuq Vinales li wara li rebaħ l-ewwel żewġ Grand Prix, kellu jirtira minħabba li waqa’ bil-mutur waqt il-GP ta’ Austin.
“Ikolli nammetti li lanqas jien stess ma kont qed nistenna li se nkun l-ewwel f’dan il-perjodu tal-istaġun.
Matul ix-xitwa li għaddiet bdejt insibha diffiċli sakemm drajt il-mutur il-ġdid,” qal Rossi.
Ta’ min jinnota li matul il-karriera tiegħu Rossi qatt ma kien spiċċa fit-tieni post f’Austin u dan kien l-aħjar riżultat li kiseb f’dan iċ-ċirkwit.
Il-Grand Prix li jmiss se jsir fis-7 ta’ Mejju li ġej u se jsir f’Jerez fi Spanja.
//= $special ?>