Internazzjonali Mużika

Sir Elton John iħassar kunċerti wara li sofra minn infezzjoni serja li setgħet qatlitu

Fortunatament, l-infezzjoni ingħatat il-kura meħtieġa fil-ħin u Sir Elton John, ta’ 70 sena jinsab tajjeb.

Il-kantant ta’ fama internazzjonali Sir Elton John sofra minn infezzjoni kbira ħafna waqt li kien qiegħed jagħmel it-tour tiegħu madwar l-Istati Uniti. Filfatt, l-infezzjoni li kellu qed titqies bħala waħda serja ħafna li seta’ kellha konsegwenzi koroh. Minħabba f’hekk, Sir Elton John ħassar disa’ kunċerti li kien għad baqalu minħabba li kellu jagħmel żewġt iljieli taħt kura intensiva. Sabiex jagħmel dan kellu jitlaq mill-Amerika u jmur lura l-Ingilterra għal trattament urġenti.

Fortunatament, l-infezzjoni ingħatat il-kura meħtieġa fil-ħin u Sir Elton John, ta’ 70 sena jinsab tajjeb. Filfatt bħalissa, l-artist jinsab mistrieħ fid-dar tiegħu stess.

F’kummenti li ta lill-midja, hu qal li jħossu fortunat ħafna li hu mdawwar b’nies li jappoġġjawh f’dawn il-mumenti diffiċli. Apparti minn hekk hu rringrazzja wkoll lit-tim mediku tiegħu li ħadu ħsiebu.

Huma mistenni li l-kunċerti tiegħu jkompli nhar it-3 ta’ Ġunju fir-Renju Unit.