Filwaqt li d-dinja tinsab attenta għall-pass li jmiss mill-Korea ta’ Fuq li qed issir dejjem aktar imprevedibbli, iċ-Ċina għadha kemm varat aircraft carrier ġdida f’sinjal ieħor li qed tikber bħala potenza militari.
L-aircraft carrier hu t-tieni wieħed taċ-Ċina li qed timmodernizza lill-qawwiet armati tagħha, minbarra li hu l-ewwel wieħed prodott miċ-Ċiniżi infushom. Intant, dan l-aircraft carrier kien ittrasferit lejn l-ibħra ‘il hinn mill-port ta’ Dalian fost rapporti li għandu jidħol fis-servizz fl-2020.
L-aircraft carrier l-ieħor taċ-Ċina jismu Liaoning li kien inbena aktar minn 25 sena ilu.
L-aħħar żvilupp sinifikattiv tal-militar Ċiniż qed isir fi żmien partikularment delikat għar-reġjun tal-Asja, meta qed tikber dejjem aktar it-tensjoni bejn il-Korea ta’ Fuq komunista u l-Istati Uniti, fost sensiela ta’ stqarrijiet aggressivi miż-żewġ naħat.
Sadanittant, hemm ukoll it-tensjoni fiz-zona tal-Baħar tan-Nofsinar taċ-Ċina fir-rigward ta’ tilwim dwar territorju u drittijiet marittimi li jinvolvi diversi pajjiżi tar-reġjun, inkluża ċ-Ċina.
Fl-istess ħin, iċ-Ċina, bħalissa, qed tħeġġeġ għall-kalma meta l-Istati Uniti bagħtet flotilla ta’ bastimenti tal-gwerra lejn il-peniżola Koreana, fost ir-reazzjoni rabbjuża tar-reġim komunista fil-Korea ta’ Fuq.
L-Istati Uniti, fil-preżent, qed tgħid li għandha ‘l-għażliet kollha fuq il-mejda’ fl-impenn biex taċċerta li l-Korea ta’ Fuq ma jirnexxilhiex tiżviluppa l-armamenti nukleari li, bihom, tkun tista’ tattakka lill-ġirien Asjatiċi kif ukoll l-artijiet tal-Amerikani. Għaldaqstant, il-Gvern f’Washington ‘qed jenfasizza dan il-punt’ permezz tal-battle group ta’ bastimenti, fosthom l-aircraft carrier USS Carl Vinson, li, bħalissa, qed javviċina l-ibħra tal-Korea.
//= $special ?>