Futbol Sport

Balzan jaħtru lil Vladimir Simovic bħala Direttur Sportiv u General Manager

Vladimir Simovic flimkien mal-President ta' Balzan Anton Tagliaferro

Il-klabb tal-Premier Balzan ħabbru li ħatru lil Vladimir Simovic bħala Direttur Sportiv u General Manager full-time. Il-President Anton Tagliaferro qal li jinsab kuntent li Simovic ingħaqad magħhom mingħand Red Star Belgrade.

Simovic se jkun responsabbli f’ħidma milll-viċin mal-President, mal-kowċ Oliver Spiteri u mal-Head Coach tal-akkademja Ludvig Bartolo b’għajnuna fl-għażla tal-plejers mal-klabb kif ukoll se jgħin biex jitjiebu l-aspetti tekniċi u tattiċi tal-klabb.

“Vladimir għandu esperjenza estensiva fil-futbol professjonali u ninsab kuntent li ħtarna persuna ta’ kalibru għoli fl-ambizzjoni tagħna li nieħdu l-klabb f’livell għola. Grazzi għall-istudju fl-Ekonomija li għamel fl-Istati Uniti, Simovic hu persuna professjonali fin-negozju, li jagħmlu persuna kwalifikata bħala General Manager,” qal Tagliaferro.

Simovic qal li jinsab kuntent li ngħaqad ma’ klabb b’ambizzjoni kbira bħal Balzan. Hu qal li bil-progress li għamel it-tim fl-aħħar snin, se jkollu l-irwol li jgħin lit-tfal tal-klabb biex isiru plejers tal-futbol aktar kompluti, u se jaħdem biex jgħin lil Balzan jiżviluppaw aktar bħala klabb.