#muscatgate Lokali

FILMAT: Il-Kap tal-PN Simon Busuttil jippreżenta rikors fil-Qorti

Kif wiegħed wara l-konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ filgħaxija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum waranofsinhar ippreżenta rikors fl-atti tal-Inkjesta dwar allegat ħasil ta’ flus, korruzzjoni internazzjonali u tixħim ta’ uffiċjali pubbliċi Maltin permezz ta’ kontijiet bankarji fil-bank Pilatus.

Fir-rikors ġuramentat, Simon Busuttil qal f’Pilatus Bank hemm kont bankarja f’isem il-kumpanija sigrieta Willerby Trade reġistrata fil-British Virgin Islands u li s-sid u benefiċjarju tagħha hu l-konsulent tal-Prim Ministru, l-awditur  Brian Tonna.

Hu qal li f’dan il-kont bankarju daħlu €166,831.90, f’pagamenti li mhux suppost saru għaliex Willerby Trade mhux aġent taħt l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza (IIP). Dawn il-pagamenti saru minn tliet ċittadini Russi wara li applikaw għaċ-ċittadinanza Maltija. Fir-rikors, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandu l-ismijiet ta’ dawn it-tliet persuni ta’ nazzjonalita’ Russa.

Ir-rikors ikompli li fil-Bank Pilatus hemm ukoll kont bankarju f’isem iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri u ftit wara li Willerby Trade ta’ Brian Tonna irċeviet il-flus mingħand it-tliet Russi, din għamlet żewġ pagamenti ta’ €50,000 ‘il wieħed għal total ta’ €100,000 fil-kont bankarju tiegħu f’Pilatus Bank.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu jrid jagħti din l-informazzjoni u iktar lill-Maġistrat Inkwirenti taħt ġurament biex ikun f’pożizzjoni li jistabilixxi l-verita’ sħiħa f’dan il-każ ċar ta’ ħasil tal-flus u tixħim. Ir-rikors ikompli li dan il-każ jakkwista gravita’ partikolari meta wieħed iqis li l-persuna li xxaħmet huwa effettivament l-id il-leminija tal-Prim Ministru Malti. Ir-rikors, iffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, itemm li Simon Busuttil jinsab disponibbli li jixhed taħt ġurament quddiem il-Maġistrat inkwerenti.

F’kummenti li ta lill-ġurnalisti wara li ppreżenta r-rikors, il-Kap tal-PN qal li dan il-każ qed juri li l-korruzzjoni hi għal kollox istituzzjonalizzata u infirxet anki fl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Hu qal li hija ta’ dispjaċir li iktar minn 12-il siegħa wara li saret konferenza tal-aħbarijiet li fiha żvela dawn id-dettalji, il-Prim Ministru wieġeb b’silenzju u ma ttieħdet ebda azzjoni mill-Pulizija. Dan kollu, sostna Simon Busuttil, hu turija ċara tal-paraliżi tal-awtoritajiet.

Mistoqsi għaliex ma marx għand il-Pulizija, il-Kap tal-PN wieġeb li ma marx u mhux se jmur għand il-Pulizija għaliex m’għandux fiduċja fil-Kummissarju u dan wara li għat-tieni darba fi ftit jiem li l-Kummissarju Lawrence Cutajar naqas milli jaġixxi.

Mistoqsi dwar jekk hux se jressaq vot ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru, Simon Busuttil qal li bħalissa l-Parlament jinsab magħluq u iżda ma jistax jimmaġina kif Muscat se jibqa’ fil-kariga b’dawn l-akkużi mdendla fuq rasu.

Dwar ir-reazzjoni ta’ Keith Schembri, il-Kap tal-PN sostna li dak li qal iċ-Chief of Staff ta’ Muscat hi ħrafa u tenna mill-ġdid li jerfa’ r-responsabbilta’ ta’ kull kelma li qal għaliex għandu provi ċari.