L-istejjer ta’ korruzzjoni, tixħim u ħasil tal-flus qed jheddu li jkissru l-futur ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru ta’ Malta, skont is-sit Ewropew Politico.eu. Dan hekk kif artiklu miktub mill-ġurnalist Harry Cooper jikkwota liċ-Chairman tal-PPE Manfred Weber, li qal li Joseph Muscat għandu jispjega fid-dettal l-involviment tiegħu fl-iskandlu tal-Panama, partikolarment dak li ġie żvelat dwar il-mod kif il-kumpanija ‘Egrant’ hija tal-mara tiegħu.
L-artiklu tal-Politico jsegwi kummenti li saru mill-MEP Manfred Weber fil-Parlament Ewropew aktar kmieni, fejn sejjaħ lill-Prim Ministru biex jispjega l-istejjer ta’ korruzzjoni. Weber qal li din hija l-ewwel darba li Prim Ministru ta’ pajjiż fit-tmun tal-Presidenza tal-UE spiċċa taħt investigazzjoni kriminali.
“It gets worse for Muscat” – il-Politico
Il-Politico tispjega li l-istejjer dwar il-korruzzjoni ta’ Muscatgate splodew meta l-ġimgħa li għaddiet ġie żvelat mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li l-kumpanija sigrieta ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru. “It gets worse for Muscat” ikompli jgħid l-artiklu tal-Politico, li jżid jirrapporta dak li żvela l-Kap tal-Partit Nazzjonalista t-Tlieta filgħaxija, dwar il-mod kif iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, irċieva €100,000 f’tixħim mingħand il-kumpanija sigrieta ta’ Brian Tonna ‘Willerby Trade’, imwaqqfa fil-British Virgin Islands u mikxufa fil-Panama Papers.
“L-istituzzjonijiet Ewropej ilhom ħafna jitkellmu dwar il-Polonja u l-Ungerija. Nitlobhom jagħtu każ dak li qed jiġri f’Malta” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’kummenti li ta lis-sit Politico.eu, li żied li l-evidenza dwar it-tixħim u l-korruzzjoni se jkun qed jgħaddihom lill-Maġistrat li qed jinvestiga peress li m’għandux fiduċja fil-Pulizija.
//= $special ?>