L-uffiċini ta’ Newcastle u West Ham saritilhom tfittxija bħala parti minn investigazzjoni dwar suspett ta’ frodi fit-taxxa u l-assigurazzjoni nazzjonali. Kważi 200 uffiċjal daħlu apposta f’din it-tfittxija, li fosthom tinkludi t-training grounds u l-uffiċini prinċipali ta’ Newcastle f’St James Park u l-London Stadium li fih jilagħbu West Ham.
Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li saru diversi arresti fosthom id-direttur maniġerjali ta’ Newcastle Lee Charnley. Stqarrija tal-investigaturi qalet li arrestaw diversi persuni li jaħdmu fl-industrija professjonali tal-futbol għal suspett ta’ frodi fit-taxxa tad-dħul u l-assigurazzjoni nazzjonali.
Huma qalu li l-investigaturi għamlu tfittxija madwar il-Gran Brittanja u Franza, fejn ġew arrestati xi nies kif ukoll qabdu xi rekords finanzjarji, ta’ business, kompjuters u mobiles. “L-awtoritajiet Franċiżi qed jgħinu l-investigazzjoni tal-Gran Brittanja, għamlu arresti filwaqt li saru t-tiftix f’diversi postijiet fi Franza.”
L-istqarrija kompliet tgħid li “din l-investigazzjoni kriminali qed tibgħat messaġġ, li int min int, jekk tikkometti frodi ta’ taxxa, tistenna li tiffaċja l-konsegwenzi.” L-investigazzjoni għadha għaddejja.
//= $special ?>