Lokali

“L-ebda rapporti ta’ tfal maħtufa barra l-pajjiż” – il-Pulizija Maltija

Il-missier qed jallega li t-tifla tiegħu għadha maħtufa barra l-pajjiż

Minkejja l-allegazzjonijiet serji li qed isiru minn missier Ġermaniż u l-akkużi li bintu ġiet maħtufa minn Malta fil-bidu tax-xahar li għadda, il-Pulizija f’Malta qed tgħid li m’hawn l-ebda rapporti ta’ tfal maħtufa.

Dan joħroġ minn risposti li tawna l-Pulizija għal domandi mibgħuta l-ġimgħa li għaddiet lid-Depot fil-Floriana.

Meta kien mistieden fil-programm NET LIVE ftit tal-ġranet ilu, il-missier ta’ Aurelia – Andreas Wil Gerdes – esprima d-diżappunt tiegħu għall-mod kif qed isiru l-affarijiet minn naħa Maltija. “Hemm xi ħaġa nieqsa minn naħa tal-Pulizija Maltija. Hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni”, stqarr missier Aurelia.

Skont il-Korp tal-Pulizija, bħalissa la hemm rapporti ta’ tfal rappurtati nieqsa u lanqas adulti.

Is-sit elettroniku Index

Il-ġimgħa li għaddiet, il-media fil-Kroazja qed irrappurtat li ċ-ċkejkna Aurelia tinsab f’Zagreb. Dan wara li allegatament inħatfet minn ommha Anika fil-bidu tax-xahar li għadda.

L-aħbar ħarġet fis-sit elettroniku Index li huwa sit awtorevoli tal-aħbarijiet fil-Kroazja.

L-akkuża tal-missier hi li Anika irnexxilha tħarrab lit-tifla Aurelia minn Malta minkejja li kien hemm impożizzjoni fuq l-ivjaġġar.