#muscatgate Lokali

Il-Maġistrat jilqa’ t-talba tal-Kap tal-PN – “Għada nippreżenta l-provi tal-korruzzjoni ta’ Gvern Laburista”

Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lura l-isptar lill-Għawdxin

Għada filgħodu, se nkun qed nippreżenta l-provi tal-korruzzjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat wara li l-Maġistrat laqa’ t-talba li għamilt biex nidher quddiemu, wara li ppreżentajt rikors b’ġurament fl-inkjesta kriminali li qed issir dwar il-Prim Ministru. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza attività fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat, Għawdex, bit-tema ‘Għall-Pajjiż li Jixraqlek’.

Simon Busuttil qal li tant ġraw affarijiet li jistaqsi lilu nnifsu jekk hux possibbli li dak li qed jiġri hu vera. Hu qal li meta ra l-provi ta’ dak li żvela lbieraħ filgħaxija, kesaħ. Hu qal li kulħadd jaf li dan hu l-aktar Gvern korrott fl-istorja, iżda meta wieħed jara l-provi, jgħid it’s too bad to be true. Hu sostna li dak li ġara matul l-aħħar ġimgħa, hu saħħaħ id-determinazzjoni tiegħu li jibqa’ jiġġieled sakemm ikun hemm Gvern li verament jixraq lill-poplu Malti u Għawdxi.

Hu qal li dan il-każ speċifiku jitratta ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, iżda dwar kwistjoni li l-Prim Ministru hu involut b’mod dirett. Hu qal li l-Prim Ministru dar id-dinja jbiegħ il-passaporti flimkien maċ-Chief of Staff tiegħu. Hu sostna li l-iskema tal-passaporti wkoll spiċċat tħammġet.

Simon Busuttil spjega li Brian Tonna rċieva flus f’kumpanija Willerby Inc, kumpanija li l-poplu Malti u Għawdxi skopriha fil-Panama Papers. L-istess Brian Tonna, qal Simon Busuttil, fetaħ ukoll kumpanija għal persuna Ċiniża li nnegozjat il-bejgħ tal-Enemalta. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kif irċieva dawn il-flus, Brian Tonna ħallas żewġ pagamenti ta’ €50,000 ‘l wieħed fil-Pilatus Bank, bank li hu dubjuż. Hu sostna li ma hemmx dubju bil-mod ta’ kif saru l-affarijiet li dan kollu sar b’korruzzjoni llegali u ħa flus li qatt ma messu ħa.

Simon Busuttil qal li Keith Schembri jista’ jgħid kemm irid u jhedded kemm irid b’libelli, għaliex hu jaf x’qed jgħid u għandu l-provi dak li qed jgħid. Hu żvela wkoll li Keith Schembri hu magħruf li hu viċin ħafna tas-sid tal-bank Pilatus Bank.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamilha ċara li l-Prim Ministru għandu jirriżenja mingħajr aktar dewmien, u li ma kull ġurnata li jagħmel, qed ikompli jgħarraq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Hu sostna li post Joseph Muscat mhux fil-politika, iżda x’imkien ieħor.

Simon Busuttil fakkar li fl-2002, Muscat kien ta intervista, u f’din l-intervista kienu staqsewh joħroġx għall-politika. Hu qalilhom le għaliex biex wieħed joħroġ għall-politika, jrid ikun ħalliel, missjunarju jew miġnun. “Aħna nafu li missjunarju mhuwiex u lanqas miġnun, u allura fi kliemu stess, Muscat hu ħalliel,” qal Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Keith Schembri għandu jiġi arrestat għaliex hemm ksur tal-liġi kriminali. Hu sostna li l-ħasil ta’ flus hu reat kriminali serju tant li jġib piena ta’ ħabs ta’ 18-il sena. Hu esprima d-diżgużtament tiegħu għall-fatt li għaddiet ġurnata minn meta żvela din il-korruzzjoni u l-Kummissarju tal-Pulizija, mhux talli ma ressaqx lil Schembri, iżda lanqas biss interrogah. Din hi konferma ta’ kemm l-awtoritajiet f’pajjiżna mhux jaħdmu, sostna Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru wkoll għandu jiġi interrogat u l-Pulizija għandhom jaraw jekk Muscat għalaqx għajnejh jew inkella kienx qed jaqsam ma’ Keith Schembri. “Iva, qegħdin f’sitwazzjoni gravi fejn il-Prim Ministru għandu jiġi interrogat,” qal Simon Busuttil.

Hu tkellem dwar il-possibilità li l-Prim Ministru jsejjaħ għal elezzjoni ġenerali bikrija, kważi sena qabel skedata. Hu qal li l-uniku konklużjoni loġika tkun li l-klikka ta’ Kastilja tista’ biss issalva ġilda billi tkompli tigdeb. Iżda, sostna Simon Busuttil, il-giddieb għomru qasir, u għalhekk, jekk issir elezzjoni, l-Prim Ministru jkollu bżonn jirbaħha biex isalva ġildu u ma jitressaqx il-Qorti u ma jispiċċax il-ħabs. “Jien se niġġieled l-elezzjoni mhux biex ma nispiċċax il-ħabs imma biex nagħmel ġid lill-pajjiż,” qal Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-inkjesta fażulla dwar l-indħil politiku fil-każ tat-traffikar tad-droga f’Għawdex, inkjesta li saret minn eks kandidat Laburista. Hu qal li spiċċaw ma tteħdux passi kontra traffikanti ta’ droga wara li saret laqgħa bejn Ministri. “F’Għawdex, kulħadd jaf li jeżisti indħil politiku fuq traffikar ta’ droga,” qal Simon Busuttil, filwaqt li sostna li l-Gvern ta’ Muscat, bejn traffikanti ta’ drogi u l-vittmi, jiddefendi lit-traffikanti.

Hu appella lill-ġenituri li l-akbar inkwiet tagħhom ikun meta t-tfal tagħhom jispiċċaw f’sitwazzjoni bħal dik, u ħabbar li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħmel inkjesta indipendenti biex issir ġustizzja fejn għandha ssir.

Dwar il-bejgħ tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Simon Busuttil esprima t-tħassib tiegħu li jinħass ukoll fost l-Għawdxin. “L-Isptar qatt ma messu ġie privatizzat, aktar u aktar minn wara dahr kulħadd,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista ma qabilx mal-bejgħ tal-uniku sptar pubbliku f’Għawdex, speċjalment meta wieħed issa jirrealizza li min suppost qed jieħu ħsieb l-Isptar, ħarab u telaq.

Simon Busuttil qal li l-Gvern għamel kuntratt ma’ dawn in-nies li qed jiswa’ miljuni kbar li qed jitħallsu mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi. Hu sostna li l-Għawdxin mhux talli ma marrux ‘il quddiem, iżda marru lura. “Wara sentejn sħaħ biex jippubblika il-kuntratt, tawulna imma kellu 16-il faċċata bajda,” qal Simon Busuttil. Hu fakkar li wara dan il-kuntratt hemm dawk li qegħdin f’Kastilja u li fetħu kumpanija sigrieta fil-Panama. Hu ħabbar ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħmel investigazzjoni serja u indipendenti, kif ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jagħti l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lill-Għawdxin.

Hu temm b’appell lin-nies biex jgħaddu l-informazzjoni dwar il-korruzzjoni tal-Gvern u sostna li hemm nies li għandhom il-provi u d-dokumenti li juru l-ħmieġ ta’ dan il-Gvern. “Jien lest li nagħtihom kull protezzjoni, inkluż l-ogħla tip ta’ protezzjoni,” qal Simon Busuttil.

Fl-aħħar tad-diskors tiegħu, hu appella biex kulħadd jagħti sehmu, u sostna li l-ewwel prijorità tiegħu fil-Gvern tkun li jagħti lura lill-pajjiż tmexxija nadifa kif jixraqlu l-poplu Malti u Għawdxi. “Dan hu l-mument li nkebbsu t-tama u noffru alternattiva lill-poplu Malti u Għawdxi,” temm jgħid Simon Busuttil.

Ritratti: Roberto Runza