Internazzjonali

Mewġa ġdida ta’ arresti fit-Turkija

 

Il-Pulizija fit-Turkija arrestat mijiet ta’ nies fuq suspett li kienu parti minn moviment akkużat b’li mexxa l-kolp ta’ stat fallut tas-sena l-oħra fil-pajjiż. Ir-rapporti qalu wkoll li l-awtoritajiet Torok kienu qed ifittxu ‘il fuq minn 2,000 suspettati oħra, fost diskors dwar struttura sigrieta fi ħdan il-korp tal-pulizija ‘li qed taħdem kontra l-interessi tal-Gvern’.

L-awtoritajiet Torok qalu li moviment leali għal reliġjuż Iżlamiku, bl-isem Fethullah Gulen, li qed jgħix f’eżilju fl-Istati Uniti, kien responsabbli għall-kolp ta’ stat ta’ Lulju, bl-intenzjoni li jwaqqa’ lill-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan.

L-istess Erdogan għadu kemm rebaħ referendum kontroversjali f’pajjiżu biex jiżdiedu l-poteri tal-Presidenza Torka u meta hu, issa, jista’ jsir Kap tal-Eżekuttiv, b’influwenza ħafna akbar mir-rwol ċerimonjali ta’ ftit żmien ilu.

Il-Ministeru għall-Intern f’Ankara issa kkonferma li ‘il fuq minn 1,000 persuni ‘klandestini’ fi 72 provinċja Torok kienu qed jinżammu taħt arrest u li dan kien ‘pass importanti għat-Turkija’.

Sadanittant, il-pulizija qed taħdem fuq lista ta’ mill-anqas 3,200 suspettat li jingħad li huma ‘mifruxa’ madwar il-81 provinċja tat-Turkija. Dan meta l-awtoritajiet qegħdin ifittxu madwar 400 suspettat fil-belt ta’ Istanbul u l-madwar ‘biss’.

L-aħħar żviluppi jirriflettu t-tħassib oriġinali li l-arresti ‘ta’ wara l-kolp ta’ stat’ fit-Turkija kellhom jaċċelleraw mill-ġdid wara t-trijonf għal Erdogan fir-referendum.