#muscatgate Lokali

“Min aġixxa b’mod illegali, min ħeba wara l-poplu, għandu jirriżenja” – UĦM

Wasal iż-żmien li l-Maltin iqumu biex jiddefendu isem pajjiżna mill-kriżijiet li ħakmuh

Il-kriżijiet, waħda wara l-oħra, li ħakmu lil dan il-pajjiż laħqu l-quċċata tagħhom: Malta mhux biss hi mifnija minn kriżi fil-governanza imma wkoll hi maħkuma minn kriżi kostituzzjonali. Dan saħqitu fl-editorjal tagħha onlajn il-UĦM Voice of the Workers fejn insistiet li l-aħħar avvenimenti li smajna, rajna u qrajna fl-aħħar jiem huma ta’ tħassib. L-iżvelar ta’ isem l-allegat sid tal-kumpanija Egrant, ir-rwol ta’ Pilatus Bank fil-kwistjoni kollha u  wisq iżjed id-dgħufija tal-Kummissarju tal-Pulizija li flok investiga meta kien hemm evidenza ċara ta’ attivitajiet suspettuża, għażel li jmur jiekol mal-ħbieb, huma ferm inkwetanti.

L-unjin qalet li min mhux partiġjan u min mhux maħkum imma tassew iħobb lil pajjiżu jaf li ma jistax ikun li Malta tibqa’ issirilha ħsara, filwaqt li spjegat li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, partikularment fis-settur finanzjarju, diġa’ hi mtappna bl-iskandli li ġarrabna fix-xhur u fil-jiem li għaddew.

Il-UĦM Voice of the Workers  insistiet li sa ftit taż-żmien ilu, Malta kienet qed tgawdi mis-suċċessi tas-servizzi finanzjarji grazzi għall-għaqal u l-bżulija ta’ gvernijiet preċedenti u għaldaqstant appellat sabiex jinqeridx it-tajjeb kollu li sar filwaqt li joqogħdu attenti għax kollox itir mar-riħ.

Huma saħqu li issa wasal iż-żmien li l-Maltin iqumu biex jiddefendu isem pajjiżna mill-kriżijiet li ħakmuh. L-unjin saħqet li l-awtoritajiet finanzjarji, dawk li suppost iħarsuna u jiddefenduna, kif ukoll l-Avukat Ġenerali għandhom iqumu minn dik ir-raqda li qegħdin fiha sabiex jaqdu dmirhom u jistħarrġu.

Dan kollu filwaqt li sostnew li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna fallew milli jieħdu azzjoni għax qed jibżgħu milli jaġixxu jew inkella qed ikunu kkontrollati.

Il-UĦM Voice of the Workers qalet li kif inhuma l-affarijiet bħalissa, il-poplu m’għadx għandu fiduċja li ssir ġustizzja f’pajjiżna. Għaldaqstant l-unjin kompliet tisħa li llum qabel għada, għandha bżonn tidħol il-kultura tar-riżenji hekk kif f’pajjiżi serji Ewropej, kien hemm Prim Ministri u Ministri li rriżenjaw għax kienu nvoluti f’xi kwistjoni ferm inqas serji minn dawk li qed naraw madwarna.

L-unjin appellat sabiex ma jintilifx is-sens ta’ governanza fuq il-poplu Malti. Dan minħabba l-fatt li r-riperkussjonijiet li qed iħallu fuq dawn l-avvenimenti mhumiex żgħar. Fosthom li qed tikber il-kultura li wieħed jista’ jagħmel li jrid.

Il-UĦM Voice of the Workers ikkonkludiet li min aġixxa b’mod illegali, min ħeba wara l-poplu, min mhux qed imexxi skont is-sewwa, għandu jerfa’ ir-responsabbilta’ u jwarrab – għandu jirriżenja.

Min qiegħed hemm fuq mhux omnipotenti.

Il-liġi, tabilħaqq, trid tiġi osservata minn kulħadd.