#muscatgate Lokali

Post Muscat m’għadux fil-politika

Post Joseph Muscat m’għadux fil-politika, u dan minħabba numru ta’ raġunijiet, fosthom li hu politikament kompliċi f’dak li qed iseħħ, kif ukoll għall-fatt li qed jiddefendi l-aġir tal-kriminali f’Kastilja. Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tkellem dwar l-inkjesta Maġisterjali li qed issir dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-atti ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus fl-iskandlu tal-Panama Papers.

Beppe Fenech Adami qal li taħt din l-inkjesta kriminali hemm il-Prim Ministru, l-mara tal-Prim Ministru, Keith Schembri, Konrad Mizzi, John Dalli, t-tranżazzjonijiet finanzjarji li saru fil-Pilatus Bank, u atti ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus inkluż minn persuni mill-Ażerbajġan. Hu qal li l-Maġistrat inkwerenti għandu l-poter bil-liġi li meta jitfaċċaw fatti ġodda, jista’ jwessa’ l-parametri tal-istess inkjesta.

Hawnhekk, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar f’dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ u spjega kif Muscat qed jagħmel ħsara kbira lill-ekonomija kif ukoll lil industriji sħaħ b’mod partikolari tas-servizzi finanzjarji. Hu rrefera għar-reazzjoni ta’ Muscat: li jibqa’ jiddefendi lil Keith Schembri, u dan minkejja li l-istess Schembri, permezz tal-Pilatus Bank, irċieva flus b’korruzzjoni li jikkostitwixxu ħasil ta’ flus.

“Ir-reazzjoni ta’ Muscat hi li jiġi jaqa’ u jqum mill-ħsara li qed jagħmel lill-pajjiż, lill-Gvern tiegħu stess, lill-Partit Laburista, jaqa’ u jqum mill-fiduċja li tah il-poplu Malti u Għawdxi fl-aħħar elezzjoni ġenerali u qed jibqa’ jiddefendi lill-kriminali f’Kastilja,” qal Beppe Fenech Adami. Hu sostna li dan l-aġir tal-Prim Ministru jrendi lil Muscat politikament kompliċi f’dak kollu li qed iseħħ, u għalhekk postu mhux fil-politika.

Minn naħa tiegħu, x-Shadow Minister għall-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi fakkar il-fatti li ġew żvelati lbieraħ filgħaxija mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Jirriżulta li fil-bank magħruf bħala Pilatus Bank kien hemm kont bankarju fl-isem tal-kumpanija Willerby Trade Inc, reġistrata fil-BVI.

Is-sid tal-kumpanija Willerby Trade inkixef fil-leaks ta’ Panama Papers li huwa l-konsultent tal-Prim Ministru, Brian Tonna.

F’okkażjoni minnhom, fil-kont tal-kumpanija ta’ Brian Tonna daħlu flus li jammontaw għal €166,831.90.

Il-pagamenti saru minn tliet persuni ta’ nazzjonalita Russa li kienu qed iħallsu lil Brian Tonna għas-servizz tiegħu wara li applikaw biex jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

Dawn it-tliet Russi, fil-fatt, illum għandhom iċ-ċittadinanza Maltija.

– Jirriżulta wkoll li fil-bank Pilatus Bank kien hemm ukoll kont bankarju f’isem iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

– Ftit wara li Brian Tonna irċieva l-flus mingħand il-barranin, għamel żewġ pagamenti liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ta’ €50,000 il-wieħed, għal total ta’ €100,000.

– Il-flus għaddew għand Keith Schembri mill-istess kumpanija ta’ Brian Tonna li rċeviet il-flus mingħand il-barranin, jiġifieri mill-kont tal-kumpanija ta’ Brian Tonna, Willerby Trade Inc.

– Meta ġew mitluba mill-bank jispjegaw dawn it-trasferimenti ta’ flus, kemm Keith Schembri u Brian Tonna taw l-iskuża banali li Brian Tonna kien qed iħallas lura lill Keith Schembri għal self li dan kien tah meta kien qed jissepara – bħal dak li qallu Brian Tonna għandu bżonn lil min isellfu €100,000.

Il-President tal-Kunsill Ġenerali u Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici qalet li ħadd mhu jemmen lil Muscat għaliex qiegħed jigdeb, tant li qed jitfixkel fil-gideb tiegħu stess. Hi tkellmet dwar l-akbar prova dwar il-kumpanija Egrant huma l-gideb ta’ Joseph Muscat. Hi fakkret li l-kumpanija Egrant bdiet tinfetaħ mal-kumpaniji ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali.

Paula Misfud Bonnici sostniet li f’Xarabank, Muscat beda jitfixkel fil-gideb tiegħu stess:

1. il-gidba li l-indirizz tal-Egrant suppost hu fil-Panama: il-verità hi li l-indirizz tat-tliet kumpaniji hu f’San Ġwann, fl-uffiċċju ta’ Nexia BT u Mossack Fonseca;
2. il-gidba li Egrant ma setgħetx tkun tal-mara tiegħu għax kienet inbiegħet lil Brian Tonna: il-verità hi li Egrant ma nbiegħetx lill-mara tal-Prim Ministru iżda d-dokument juri li l-mara tal-Prim Ministru hi l-ultimate beneficial owner;
3. il-gidba li Egrant hi ta’ Brian Tonna: il-verità hi li l-emails juru Egrant mhix ta’ Brian Tonna imma ta’ xi ħadd li hu aktar importanti minn Keith Schembri u Konrad Mizzi, tant li ismu għadda bi Skype;
4. il-gidba li l-mara tiegħu twieldet Ħ’Attard u mhux ir-Rabat: il-verità hi li l-ID Card turi li l-post tat-twelid bħala r-Rabat mhux Ħ’Attard;
5. il-gidba li d-dokument ma jurix in-numru tal-passaport jew in-numru tal-ID: il-verità hi li f’dawn it-tip ta’ dokumenti ma jkunx hemm dawn in-numri għaliex jistgħu jinbidlu.