Ambjent Lokali

RITRATT: Klieb jgħixu fil-ħmieġ tagħhom stess … imma għall-Animal Welfare miżmuma tajjeb

Rabja fost persuni li jħobbu l-annimali hekk kif numru ta’ klieb qed jinżammu f’kundizzjoni tal-mistħija iżda l-awtoritajiet ikomplu jagħlqu għajnejhom.

Kif jixhed ir-ritratt, il-klieb jgħixu f’żona mimlija bil-ħmieġ tagħhom stess fi Triq l-Imsell, il-Qawra. Evidenti li l-bitħa ilha ma titnaddaf għal żmien twil. Sitwazzjoni li qed issarraf mhux biss f’moħqrija tal-annimali imma wkoll intiena kbira u ammont kbir ta’ dubbien bi skumdità għall-ġirien.

Malli s-sitwazzjoni ġiet rappurtata lill-awtoritajiet saret spezzjoni minn uffiċjali tal-Animal Welfare, li madankollu rrappurtaw lura li l-klieb huma miżmuma tajjeb. Dan għaliex ġie stabbilit li l-klieb qed jingħataw kemm ikel u xorb.

L-appelli fuq gruppi tal-annimali fuq Facebook ukoll qed jaqgħu fuq widnejn torox, tant li minkejja li għaddiet iktar minn ġimgħa baqa’ ma sar xejn.