L-awtoritajiet fi Franza qalu li għandhom il-provi li juru li l-qawwiet tal-ajru tas-Sirja kienu waddbu ‘mingħajr dubju’ il-bombi bil-kimika projbita għal fuq belt ikkontrollata mir-ribelli li qed jiġġieldu kontra l-President Sirjan, Bashar al-Assad.
Il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin, Jean-Marc Ayrault, qal li kampjuni li ttieħdu mix-xena jindikaw l-użu tal-gass Sarin, li jattakka lin-nervatura tal-ġisem, u li hu ta’ tip prodott mill-Gvern Sirjan. Il-Gvern Franċiż, intant, mhux qed jiddubita s-sehem tal-Gvern Sirjan fl-attakk tax-xahar li għadda fuq l-inħawi tal-belt bl-isem Khan Sheikhoun u li kien ħalla almenu 90 mejtin, inklużi tfal.
Mijiet ta’ nies sofrew is-sintomi konsistenti ma’ reazzjoni għall-kimika tas-Sarin wara l-attakk tal-4 ta’ April fuq Khan Sheikhoun. Intant, l-Istati Uniti u l-Oppożizzjoni Sirjana mill-bidunett ħarġu jgħidu li l-attakk ta’ dakinar kien twettaq mill-qawwiet tal-ajru ta’ Assad.
Min-naħa tiegħu, il-President Assad qed jiċħad għall-allegat sehem fl-attakk bħala ‘storja vvintata’. Assad qed jgħid li l-Gvern immexxi minnu ma uża qatt l-armi kimiċi u li, fil-fatt, ‘kien ċeda l-ħażniet kollha ta’ dawn l-armi fl-2013’. Dan, skont Assad, wara li l-Punent akkuża lill-amministrazzjoni f’Damasku dwar attakk ieħor, bis-Sarin, fuq sobborgi miżuma mir-ribelli fil-limiti tal-kapitali Sirjana li kien ħalla mijiet ta’ mejtin.
L-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi qalet, jiem ilu, li analiżi tal-kampjuni biomediċi li ttieħdu lil tliet vittmi tal-attakk fuq Khan Sheikhoun ippreżentaw provi ‘irrifjutabbli’ li l-vittmi kienu esposti għas-sustanza Sarin jew kimika simili.
Sadanittant, l-aħħar rapport tas-servizzi sigrieti Franċiżi, li kien deklassifikat proprju ftit sigħat ilu, ikkonkluda li s-Sarin inkwistjoni kien manifatturat mill-Gvern Sirjan, bil-Ministru Ayrault jinsisti li l-kampjuni ‘huma tipiċi tal-metodu żviluppat fil-laboratorji tas-Sirja’.
//= $special ?>