It-tennista Russa Maria Sharapova rritornat minn sospensjoni ta’ 15-il xahar rigward doping b’rebħa kontra t-Taljana Roberta Vinci fl-ewwel rawnd tal-Open ta’ Stuttgart.
Sharapova kienet ġiet sospiża f’Marzu li għadda wara li nstabet pożittiva għas-sustanza meldonium, sustanza li hi qalet li ħadet minħabba li kienet tieħu mediċina regolari.
Dakinhar hi kienet spjegat li meta rċiviet lista aġġornata tas-sustanzi pprojbiti mill-Aġenzija Dinjija ta’ Kontra d-Doping (WADA) ma tatx kasha u fost is-sustanzi kien hemm proprju l-meldonium, xi ħaġa li hi kienet tieħu ta’ spiss.
Fil-logħba ta’ nhar l-Erbgħa r-Russa ħarġet rebbieħa bi skor ta’ 7-5, 6-3. Ta’ min jinnota li l-pubbliku laqa’ tajjeb lil Sharapova u ma kien hemm l-ebda tip ta’ tisfir fil-konfront tagħha.
Sharapova issa mistennija terġa’ tibda tikkompeti b’mod regolari f’numru ta’ turnaments u anke Grand Slams għax se tingħata wildcard u huma diversi dawk li huma kontra din id-deċiżjoni minn naħa tal-WTA.
//= $special ?>