Internazzjonali

Allert tas-sigurtà u arrest f’Londra

Sigurta massima f'Londra

Il-Pulizija f’Londra għadhom kemm għalqu triq ewlenija fl-inħawi ta’ Westminster wara li arrestaw raġel suspettuż li kien 100 metru biss ‘il bogħod minn Downing Street fejn hemm ir-residenza tal-Prim Ministru. Qed jingħad, intant, li dan ir-raġel kien qed jippjana ‘attentat terroristiku’.

Ritratti urew lill-pulizija qed jitfgħu lir-raġel mal-art, waqt l-arrest li sar ftit metri ‘il bogħod mix-xena tal-attakk terroristiku tax-xahar li għadda, li fih sfaw maqtula ħames persuni, inkluż pulizija.

Dritt wara l-arrest, uffiċjali tal-forensika eżaminaw dik li kienet allegata bħala bagalja mimlija bis-skieken fil-viċinanzi ta’ Whitehall, waqt li s-suspettat kien miżmum mill-pulizija.

Iz-zona fejn seħħet id-drama hi fost l-aktar attivi f’Londra, meta, fost oħrajn, hemm l-eluf tan-nies jaħdmu fid-dipartimenti tal-Gvern. L-attività tas-soltu, intant, waqfet għal xi żmien waqt l-investigazzjonijiet tal-pulizija.