Daphne Caruana Galizia waslet fil-Qorti biex tixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi l-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li l-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat kellha shares fil-kumpanija sigrieta fil-Panama Egrant.
Meta kienet ikkuntattajata minn ġurnal lokali, Daphne Caruana Galizia qalet li żewġ pulizija nisa mit-taqsima tal-frodi marru fid-dar tagħha u talbuha tidher fil-Qorti dalgħodu. Hi qalet li se tidher quddiem il-Maġistrat Bugeja imma se tagħmilha ċara li hi ma tista tgħid xejn ħlief dak li diġa jafu.
Daphne Caruana Galizia qalet li li kellha whistleblower u dokumenti li jissostanzjaw dak li qalet dwar Egrant. Hi spjegat li mhux hi trid issib il-ħtija fuq dawn in-nies imma jridu jkunu huma li juru l-innoċenza tagħhom.
Il-ġurnalista l-ġimgħa li għaddiet ipprovdiet dak li sejħet decleration of trusts, u insistiet li din hi prova li s-shares tal-kumpanija sigrieta Egrant kienu tal-mara tal-Prim Ministru, Michelle Muscat.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din kienet fabrikazzjoni.