Dokumenti uffiċjali ppubblikati fis-sit elettroniku LovinMalta.com juru illi kemm Dubro kif ukoll Aliator – iż-żewġ kumpaniji allegatament abbinati ma’ mart il-Prim Ministru Joseph Muscat – għandhom sehem kull wieħed fil-kumpanija sigrieta Egrant. L-istess sit jgħid li dan huwa l-uniku dokument awtentiku li jipprova dan il-fatt.
Kien il-Prim Ministru Joseph Muscat illi f’Xarabank uża dokument falz sabiex jallega li Brian Tonna ta’ NexiaBT kien l-uniku sid ta’ Egrant, u mhux martu Michelle Muscat.
LovinMalta jgħid illi sa issa għadu ħadd ma ċaħad ir-rabta li hemm bejn Michelle Muscat u l-kumpaniji Dubro u Aliator.
L-investigazzjoni ta’ dan is-sit qed issir mill-ġurnalist Chris Peregin. Fuq Facebook, hu qal li dan ir-rapport qed isir biex fl-aħħar mill-aħħar toħroġ il-verita’. “Din hi storja li tweġġa’”, sostna Peregin.
LovinMalta jirreferi għal MuscatGate bħala “skandlu li heżżeż pajjiż sħiħ”.
Mistoqsijiet ġodda mibgħuta lil Brian Tonna b’mod partikolari biex ikunu riprodotti il-listi ta’ Shareholders u wkoll jipprovdi dokumenti li jikkontradixxu dan kollu baqgħu mhux imwieġba.
//= $special ?>