Lokali Qorti

7-2: Il-Ġurati jsibuh mhux ħati li ttraffika 6 kg ta’ kokaina

Onyeabor jipprotesta dwar id-dewmien biex jinstema' l-kaz - RITRATT : Maltatoday
Fis-6 ta' Marzu li għadda Onyeabor (ritratt) kien ipprotesta fi Triq ir-Repubblika, preċiżament quddiem il-bini tal-Qorti minħabba d-dewmien esaġerat sabiex jinstema' u jinqata' l-każ tiegħu. Hu kien ilu kważi 9 snin bil-liberta' proviżorja li matulhom ma setax iżur lil ibnu fl-Olanda minħabba l-kundizzjonijiet imposti għall-ħelsien mill-arrest.

Raġel Olandiż ta’ nisel Niġerjan ma nstabx ħati ta’ traffikar ta’ droga, f’każ li jmur lura għal Frar 2008. Chukwudi Samuel Onyeabor, ta’ 39 sena, ma nstabx ħati b’seba’ voti kontra tnejn mill-ġurati fi tmiem ġuri li kien presedut mill-Imħallef Antonio Mizzi.

Onyeabor kien arrestat fl-2008 waqt kunsinja kontrollata mill-Pulizija wara stħarriġ  li rriżulta minn qabda ta’ żewġ persuni oħra iktar kmieni dik is-sena stess.

Ir-raġel kien inqabad fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, flimkien ma’ ċertu Ferdinand Onovo, iġorru madwar 6 kilogramma ta’ droga kokaina li l-valur tagħha fis-suq kien ilaħħaq għal kważi €600,000.

 

Fi proċeduri separati, Onovo kien ikkundannat 10 snin ħabs u multa ta’ €25,000 wara li nstab ħati tas-sehem tiegħu fit-traffikar tad-droga.

Il-Prosekuzzjoni kienet akkużat lil Onyeabor li dar għat-traffikar ta’ droga wara li fallew diversi tentattivi biex jiftaħ negozju fl-Olanda.

Fis-6 ta’ Marzu li għadda Onyeabor (ritratt) kien ipprotesta fi Triq ir-Repubblika, preċiżament quddiem il-bini tal-Qorti minħabba d-dewmien esaġerat sabiex jinstema’ u jinqata’ l-każ tiegħu. Hu kien ilu kważi 9 snin bil-liberta’ proviżorja li matulhom ma setax iżur lil ibnu fl-Olanda minħabba l-kundizzjonijiet imposti għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Nadia Attard and Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukati Simon Micallef Stafrace u Mark Sant dehru Chukwudi Samuel Onyeabor.