– PN
Il-Prim Ministru għandu jpoġġi l-interessi nazzjonali qabel l-interessi personali, u għalhekk, biex insalvaw ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, l-Prim Ministru għandu jwarrab. Din mhix ġlieda bejn in-Nazzjonalisti u l-Laburisti, iżda hi ġlieda bejn x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, bejn is-sewwa u l-ħażin.
Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech u l-Kelliema għas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono.
Mario de Marco qal li l-inkwiet qiegħed dejjem jikber meta wieħed jara l-iskandli li issa laħqu l-ogħla livelli tal-Gvern – il-Prim Ministru, ċ-Chief of Staff u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru – rrappurtati fil-media internazzjonali.
“Dan kollu jpoġġi riskju għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Aħna, bħala poplu, kburin b’dak li rnexxielu jikseb pajjinża, mhux biss bis-saħħa tal-politiċi, iżda b’mod partikolari bis-saħħa tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin li taw l-impenn tagħhom biex juru li Malta hi pajjiż serju u kredibbli fejn wieħed jista’ jinvesti,” qal Mario de Marco.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-iskandli qed jitfgħu dell ikrah fuq pajjiżna, b’mod partikolari għar-reputazzjoni. Hawnhekk qed nitkellmu dwar fatti, sostna Mario de Marco, fost l-oħrajn l is-sena l-oħra ġie żvelat li neftħu tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama li tnejn minnhom kienu taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u tal-Ministru Konrad Mizzi, it-tielet kumpanija kellha l-identità tas-sid tagħha tant importanti li l-isem kellu jingħadda bi Skype, il-Prim Ministru ma ħax passi kontra ċ-Chief of Staff u l-Ministru tiegħu, l-awtoritajiet ma nvestigawx dawn l-affarijiet meta kellhom id-dmir li jinvestigaw u li l-Pulizija ma nvestigatx minkejja r-rapport tal-FIAU li talbet lill-Pulizija biex jinvestigaw.
Fost l-oħrajn, hu rrefera għall-appella li saru mill-ex Gvernatur tal-Bank Ċentrali Francis Vassallo u l-President tal-Malta Institute of Accountants Franco Azzopardi, kif ukoll għall-editorjal ta’ The Times of Malta tal-bieraħ, li qal li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru m’għadiex aktar tenibbli għaliex elezzjoni ġenerali ma tistax issolvi l-problema, li hi nuqqas ta’ fiduċja f’istituzzjonijiet li jagħmlu xogħlhom.
Claudio Grech enfażizza l-importanza tas-settur tas-servizzi finanzjarji u dawk relatati miegħu għall-ekonomija tagħna. Hu spjega kif minbarra l-eluf ta’ impjiegi li jiddependu direttament minn dan is-settur, għandna setturi oħrajn tal-ekonomija, bħas-suq tal-proprjetà, is-settur tar-retail, it-turiżmu u r-ristoranti, li għandhom dipendenza materjali fuq it-tkabbir u s-sostenibbiltà ta’ dan is-settur.
“L-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet tikber għaliex fil-15-il sena ta’ qabel, dan is-settur inżera mix-xejn u issa kien qiegħed irodd il-frott lill-ekonomija tagħna. Ir-rilevanza ta’ dan is-settur trid titqies fl-isfond tal-fatt li dan is-settur jirrapreżenta 98% tal-investiment barrani f’pajjiżna u mingħajru, x-xenarju finanzjarju u ekonomiku ta’ pajjiżna lanqas biss jibqa’ jintagħraf” sostna Claudio Grech.
Claudio Grech kompla li għalhekk ma nistgħu qatt nagħmlu xejn li jipperikola settur daqstant vitali għall-futur ta’ pajjiżna u l-Gvern għandu obbligu ewlieni lejn il-poplu li ma jħallix din is-sitwazzzjoni tiddeterjora aktar milli diġà hi. “Is-servizzi finanzjarji għandhom bżonn jiksbu lura l-istabbilità li dejjem gawdew minnha minn mindu nbeda dan is-settur” temm jgħid Claudio Grech.
Kristy Debono qalet li f’dan is-settur, hemm ħafna li jinsab f’riskju, fost l-oħrajn il-ħaddiema kif ukoll ir-reputazzjoni.
“Minkejja li dan is-settur dejjem inżamm ‘il bogħod mill-kontroversja politika, wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, bdew l-ewwel xokkijiet li ma kienux neċessarji f’dan is-settur,” qalet Kristy Debono, li sostniet li fost l-isfidi ġodda li bdew jiffaċċjaw nies f’dan is-settur, hemm li jsibu diffikultà biex jiftħu kontijiet f’pajjiżi oħra, fost l-oħrajn fl-Istati Uniti.
Hi rreferiet għall-istqarrijiet li ħarġu din il-ġimgħa dwar il-kriżi nazzjonali li teżisti f’pajjiżna, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, il-UHM-Voice of the Workers, l-Institute of Financial Services Practitioners kif ukoll il-Malta Union of Bank Employees. “Tinduna kemm pajjiżna jinsab fi kriżi meta entità wara l-oħra tibda tesprimi t-tħassib tagħha dwar dak li jkun qed iseħħ,” qalet Kristy Debono.
//= $special ?>