Lokali

It-tifla rrappurtata li dehret f’lukanda f’Zagreb

Andreas Wil Gerdes, missier Aurelia
"Il-Pulizija Maltija qed timxi bil-mod ħafna" - missier Aurelia

Informazzjoni ġdida li kiseb dan is-sit tindika li t-tifla, li allegatament inħatfet minn Malta minn ommha stess, tinsab f’Zagreb.

Jirriżulta li t-tifla dehret din il-ġimgħa f’lukanda fil-kapitali tal-Kroazja. Hi kienet flimkien ma’ ommha Anika. Il-missier qed jagħmel l-akkuża li Aurelia inħatfet minn Anika de Vilera fil-bidu ta’ Marzu li għadda.

Il-Pulizija f’Zagreb ġie infurmata b’dawn id-dettallji ġodda. L-awtoritajiet għall-protezzjoni tat-tfal fil-Kroazja ukoll ġew infurmati.

Intant, għad-domandi ta’ NETnews, il-Pulizija Maltija qalet li bħalissa ma hemm ebda rapporti ta’ tfal li jinsabu maħtufa barra l-pajjiż.

Missier it-tifla, Andreas Wil Gerdes, jemmen li l-Pulizija Maltija qed timxi bil-mod ħafna dwar dan il-każ li fih inħatfet it-tifla tiegħu. U fil-fatt, il-mod kif weġbuna l-Pulizija jikkonferma dan.

Wara dawn l-aħħar żviluppi missier it-tifla qalilna “nittama li l-awtoritajiet tal-Korazja isibu lil bintu u jirritornaw biha Malta”.

“Il-Pulizija ta’ Malta diġa’ aġixxiet bil-mod, aħseb u ara issa bil-każ ta’ korruzzjoni tal-Panama u dak kollu li għaddej”, qalilna Andreas.

Il-Qorti ta’ Zagreb diġa’ ikkonfermat li l-każ Aurelia jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni Maltija, u allura għandu jiġi deċiż mill-Qorti f’pajjiżna.