Futbol Sport

Dejan Lovren iġedded il-kuntratt

Dejan Lovren ingħaqad ma' Liverpool f'Lulju tal-2014

Dejan Lovren se jkun qed ikompli l-karriera tiegħu ma’ Liverpool wara li ffirma kuntratt fit-tul ma’ Liverpool. Id-difensur ta’ 27 sena jinsab fit-tielet staġun mal-klabb, wara li kien ingħaqad mal-klabb f’Lulju tal-2014 mingħand Southampton, u minn dakinhar lagħab 105 logħbiet fejn skorja erba’ darbiet.

“Naħseb li hi ġurnata speċjali għalija u għal familja tiegħi u hi ħolma oħra li saret realtà. Kienet dejjem il-ħolma tiegħi li nibqa’ kemm nista’ mal-klabb li nħobb u dak hu Liverpool.”

Lovren qal li jaħseb li dak li għamel fl-aħħar żewġ staġuni kienu aħjar mill-ewwel staġun tiegħu. Hu kompla jgħid li l-klabb u l-partitarji emmnu fih, u sostna li għandu rispett kbir għal dak li seħħ.

Il-Kroat f’dan l-istaġun lagħab 28 logħba ma’ Liverpool u skorja żewġ gowls. Ir-Reds tilfu logħba biss minn 15 li Lovren lagħab ħdejn Joel Matip fil-qalba tad-difiża.