Internazzjonali

Donald Trump qed jinkwieta dwar konflitt kbir mal-Korea ta’ Fuq

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li jixtieq isolvi l-kriżi mal-Korea ta’ Fuq bil-mezzi diplomatiċi. Iżda huwa aċċenna għall-possibbiltà ta’ ‘konflitt kbir’ mar-reġim komunista fi Pyongyang.

Din il-possibbiltà, qal, hi waħda ‘assoluta’, meta l-Korea komunista, fl-aħħar xhur, wettqet sensiela ta’ provi għall-missili tagħha waqt li qed thedded biex tagħmel is-sitt prova nukleari.

Trump, waqt intervista lil Reuters, qal li kien ‘ferm diffiċli’ għal Kim Jong-un biex jieħu t-tmexxija tal-Korea komunista minn età hekk żgħira. Kim, illum, għandu 27 sena u Trump enfasizza li ‘mhux qed jagħti xi forma ta’ kreditu’ lil dan il-Mexxej filwaqt li awgura li Kim Jong-un ‘għandu l-kapaċità biex jirraġuna’.

Intant, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, illum, jiltaqa’ biex jiddiskuti l-problema tal-Korea ta’ Fuq.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Rex Tillerson, sostna li ċ-Ċina qalet lill-Istati Uniti li għandha timponi s-sanzjonijiet fuq il-Korea komunista f’każ li din twettaq aktar provi nukleari. Sadanittant, Tillerson qal li Washington għandu jinnegozja mal-Korea ta’ Fuq bil-ħsieb li jitneħħew l-armi nukleari mill-Istat komunista u mhux b’impenn biex jinbidel il-Gvern fi Pyongyang.

“L-Istati Uniti mhix qed taħdem lejn bidla fir-reġim jew għal xi reunifikazzjoni aċċellerata tal-peniżola Koreana,” saħaq Tillerson. Hu, sadanittant, spjega li l-peniżola Koreana għandha tkun ħielsa mit-tagħmir nukleari bħala politika konsistenti mal-għanijiet tal-Istati Asjatiċi oħrajn.

Il-Gvern Ċiniż, issa qed iwissi dwar is-sogru li t-tensjoni mal-peniżola Koreana ssir inkontrollabbli. Dan meta ċ-Ċina mill-ġdid ħeġġet lill-Korea ta’ Fuq biex iżżomm lura minn aktar testijiet nukleari.