Maratona suċċess – Għal darb’oħra, il-poplu reġa’ ta l-fiduċja tiegħu lill-Partit Nazzjonalista b’somma li se tgħin fil-kampanja elettorali.
Waqt il-Maratona ġbir ta’ fondi li organizza l-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali nġabret is-somma sabiħa ta’ €275,940
Il-maratona kellha t-tema, Għall-Pajjiż li Jixraqlek li hu l-messaġġ li l-Partit Nazzjonalista qed iwassal għand il-poplu Malti u Għawdxi fid-dawl tal-aħħar allegazzjonijiet fl-iskandlu MuscatGate.
Fil-messaġġ tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li aħna rridu pajjiż li jixraqlek mhux tistħi tgħid li int Malti. Staqsa kif jista’ l-Prim Ministru taħt investigazzjoni jirrappreżenta lil Malta fis-Summit fi Brussell. Simon Busuttil qal li hu wkoll se jkun Brussell u l-ewwel ħaġa li se jistaqsuh hi x’qed jiġri f’Malta. Hu qal li l-iskop tal-Maratona hu li jinġabru fondi ħalli l-poplu jkollu pajjiż li jixraqlu.
Il-Maratona bdiet fis-sitta u nofs ta’ filgħodu fuq Radio 101 u baqgħet sejra tul il-ġurnata kollha bis-sehem tal-preżentaturi Deputati, kandidati u uffiċjali tal-PN. Imbagħad, fuq NET Television, ix-xandira speċjali bdiet fis-sitta ta’ filgħaxija. Matul dawn ix-xandiriet is-semmiegha u t-telespettaturi setgħu iċemplu biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom.
Iż-żewġ xandiriet inkludu diversi intervisti ma’ Deputati u Kandidati tal-Partit Nazzjonalista, bil-parteċipazzjoni wkoll tal-Kap tal-Partit Simon Busuttil u l-Viċi Kapijiet, Mario de Marco u Beppe Fenech Adami.
Il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lin-nies biex ikomplu jingħaqdu fil-Forza Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni.
//= $special ?>